Nhar il-Ħadd li ġej se jkun hemm katavru espost fid-Domus Romana – One News

Notifiki

Nhar il-Ħadd li ġej se jkun hemm katavru espost fid-Domus Romana

Il-‘katavru’ ta’ aristokratiku Ruman ġie espost għall-pubbliku f’parti prominenti tad-Domus Romana, ir-Rabat, Malta. Il-funeral li se jsir nhar il-Ħadd li ġej, 17 ta’ Frar, se jitlaq mid-Domus u jipproċedi lejn il-Katakombi ta’ San Pawl għad-difna. Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jieħu sehem waqt l-aħħar vjaġġ ta’ dan iċ-ċittadin Ruman u jipparteċipa fl-attivitajiet varji li qed jiġu organizzati għall-Mortem.

L-idea tal-avveniment Mortem tnisslet mill-festival Ruman Parentalia li kien jiġi ċċelebrat matul disat ijiem, mit-13 sal-21 ta’ Frar, b’rispett lejn l-antenati u l-għeżież mejtin tagħhom. Waqt dawn l-attivitajiet, ir-Rumani u l-Kristjani kienu jġeddu r-riti funerarji u jieħdu sehem f’ikliet kommemorattivi magħrufa bħala refrigerium jew agape, fil-katakombi.

Mortem se jkun qed joffri wkoll esperjenzi uniċi kemm lill-adulti u kif ukoll lit-tfal. Il-parteċipanti jistgħu jinvolvu ruħhom f’funeral antik Ruman, iduqu ikel ibbażat fuq riċetti ta’ dak il-perjodu, imiddu jdejhom fi skavi mal-arkeologi, jieħdu sehem f’kaċċa għat-teżor, u jiflu mill-qrib flimkien mal-Kuratur Anzjan xi esebiti li jinsabu fil-mużew tal-Katakombi ta’ San Pawl.

It-tema speċjali tal-ġurnata se tkun il-kamra 3D li se tinfetaħ għall-ewwel darba għall-pubbliku nhar il-Ħadd li ġej. Hawnhekk, wieħed se jkun jista’ jesperjenza u jimxi ġewwa l-katakombi, mingħajr qatt ma jirfes fihom, permezz ta’ mudelli 3D.

Lista ta’ attivitajiet:

9.30am Taħdita bil-Malti – The Gods of Death. The Death of Gods. Post: Children’s Pavilion, Katakombi ta’ San Pawl, Rabat, Malta.

10.00am Kaċċa għat-Teżor għat-tfal. Post: Children’s Pavilion Plaza.

11.00am   Funeral Ruman. Post: Jibda minn ħdejn id-Domus Romana u jipproċedi lejn il-Katakombi ta’ San Pawl.

12.00pm Wirja mis-suldati tal-Legio X Fretensis. Post: għalqa centrali.

1.30pm  ‘Iftaħ il-vetrina’ – Il-Kuratur Anzjan tal-Katakombi ta’ San Pawl se jkun qed jiddiskuti mal-udjenza dwar uħud mill-esebiti tal-mużew. Post: Visitor Centre.

3.30pm Funeral Ruman. Post: Jibda mill-Katakombi ta’ San Pawl u jipproċedi lejn il-Katakombi ta’ Santu Wistin.

Il-katakombi se jkunu miftuħa mid-9.00am – 5.00pm (l-aħħar dħul fl-4.30pm).

Waqt dan l-avveniment, id-dħul għall-Katakombi ta’ San Pawl qed jitraħħas għal €2, u se jkun jinkludi wkoll l-aċċess għall-Katakombi ta’ Santu Wistin.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend