Il-Partit Nazzjonalista kkonferma r-riżenja ta’ John Zammit minn editur politiku tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ one.com.mt li Zammit li waqgħetlu żokortu fil-Partit Nazzjonalista rriżenja mill-kariga wara ġlieda kbira li kellu t-Tnejn filgħaxija fid-Dar Ċentrali mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.
John Zammit magħruf għal snin twal ta’ ħidma fil-qalba tad-Dar Ċentrali sa mill-eks Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami wasal għal din id-deċiżjoni wara xhur sħaħ ta’ nuqqas ta’ qbil mas-Segretarju Ġenerali fejn tal-bieraħ ma kinitx l-ewwel ġlieda kbira ta’ bejniethom.
Intant f’ittra mibgħuta lil ONE NEWS, il-Partit Nazzjonalista kien sforzat jammetti r-riżenja ta’ Zammit mill-Partit Nazzjonlista. Fil-fatt fl-ittra tiegħu l-Partit Nazzjonalista kkonferma l-laqgħa tal-bieraħ bejn Puli u John Zammit f’dik li suppost hi tweġiba dwar gidba.
Qal li Zammit iddeċieda li jagħti l-avviż tat-tmiem tal-impjieg tiegħu jumejn ilu biex ifittex toroq ġodda.
Intant one.com.mt jinsab informat li għada se jitlaqqa’ b’urġenza l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista dwar l-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista. Mhux magħruf jekk dan l-aħħar każ ta’ riżenja ta’ John Zammit minn editur politku tal-midja tal-Partit Nazzjonalista lejlet elezzjonijiet importanti f’Mejju li ġej hix se jkun diskussa matul din il-laqgħa.
It-tweġiba tal-PN lil ONE NEWS:
L-aħbar ta’ One News dwar suppost ġlieda kbira lbieraħ filgħaxija bejn is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u John Zammit hi gidba. Jekk xejn, Clyde Puli u John Zammit ilbieraħ iltaqgħu fl-ispirtu ta’ ħbiberija twila personali bejniethom wara li John Zammit iddeċieda li jagħti l-avviż tat-tmiem tal-impjieg jumejn ilu biex ifittex toroq ġodda.
John Zammit jibqa’ impenjat mija fil-mija mal-Partit Nazzjonalista li hu l-unika alternattiva għall-Gvern Laburista.