AĠĠORNAT: Il-Prim Ministru jassigura li l-flus tal-Maltin huma siguri | One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Il-Prim Ministru jassigura li l-flus tal-Maltin huma siguri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-attakk li sar fuq il-Bank of Valletta kien wieħed elaborat u oriġina minn barra l-pajjiż.

Fi stqarrija fil-Parlament ftit tas-sigħat wara li l-bank ħabbar li waqqaf l-operazzjonijiet tiegħu minħabba c-cyber attack, Dr Muscat qal li kien qed jagħmel l-istqarrija bħala Prim Ministru in vista li l-Bank huwa wieħed maġġuri għall-ekonomija tagħna.

Dr Muscat qal li llum wara nofsinhar kellu laqgħa maċ-Chairman, Chief Executive u tmexxija tal-Bank of Valletta, fil-preżenza tal-Bank Ċentrali, MFSA, il-Ministru tal-Finanzi u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji.

Il-Prim Ministru qal li mill-fatti li ġew stabbiliti, dalgħodu ftit wara l-ftuħ tan-negozju, il-Bank of Valletta nduna li kien hemm problema fir-‘reconciliation’ ta’ transazzjonijiet internazzjonali, liema eżerċizzju jsir ta’ kull filgħodu.

Qal li ftit wara, l-awtoritatjiet tas-sigurtà Maltin infurmaw lil Bank li ġew infurmati minn ‘networks’ internazzjonali tas-sigurta’ li l-Bank kien ġie targeted f’’cyber attack.’

Dr Muscat qal li fi żmien madwar 30 minuta, il-Bank waqqaf il-pagamenti internazzjonali li kienu ġew maħluqa u li kienu saru lejn banek f’erba’ pajjiżi differenti, jiġifieri ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, ir-Repubblika Ċeka u Hong Kong.
Qal li Il-Bank talab lil ‘correspondent banks’ tiegħu biex iwaqqfu dawn il-pagamenti u saru ukoll kuntatti mal-banek involuti biex jigu ‘reversed’ pagamenti li setgħu laħqu saru.

“Sadattant, biex tiġi mminimizzata l-possibbiltà li jkun hemm aktar attakki, il-Bank iddeċieda li jwaqqaf l-operat tiegħu temporanjament. Matul dawn is-sigħat qed isiru eżamijiet tas-sistemi bil-għan li wieħed jiċċekkjahom sewwa. Kif jintemm dan l-eżerċizzju, u kif ikun żgurat li jkun sigur li jsir hekk, is-sistemi u l-operat tal-Bank se jitpoġġew mill-ġdid online.”

Il-Prim Ministru kompla jżid li ġie assigurat mit-tmexxija tal-Bank of Valletta li d-depożiti u l-faċilitajiet miżmuma fil-Bank huma siguri fejn serraħ moħħ kulħadd dwar hekk. Il-Prim Ministru qal li r-regolatur infurmah ukoll li banek oħra ma rrapurtaw l-ebda tip ta’ attakk.

“Ninsab infurmat li l-Pulizija qeghda tinvestiga, u għaddejja inkjesta maġisterali. Il-Gvern informa lil ‘National Cyber Security Committee’ u skatta mekkaniżmu li permezz tiegħu esperti mqabbda mill-istess sistema daħlu biex jgħinu lil esperti tal-Bank of Valletta.

Bhala Gvern nixtieq nassigura li qed nagħtu l-appoġġ tagħna kollu lil Bank of Valletta, kif nagħtu lil kull istituzzjoni oħra fil-pajjiż.”

“L-għan ta’ din l-istqarrija mhux li tieħu post stqarrijiet tal-Bank of Valletta” kompla jgħid il-Prim Ministru, “iżda biex inserraħ moħħ il-familji u negozji li flushom jinsabu siguri u li l-inkonvenjenza li qed tiġi sofferta mill-klijenti hija intenzjonata biex jiġu protetti l-istess klijenti.”

“Għamiltha ċara mall-Bank li huwa importanti li filwaqt li l-Bank jgħaġġel kemm jista’ jkun biex jirranġa s-sitwazzjoni u jerġa’ jibda jopera, il-priorità hi is-sigurtà u l-integrità tal-istess istituzzjoni u li flus in-nies jibqgħu siguri, kif inhuma.”

Il-Prim Ministru kkonkluda billi qal li sadattant, qed isiru arranġamenti mal-Bank Ċentrali u entitajiet oħra biex isiru arranġamenti alternattivi, fosthom dwar pagamenti tas-servizzi soċjali u pagamenti ta’ persuni li jinsabu imsiefrin.

Aktar kmieni l-Bank of Valletta ssospenda l-operazzjonijiet kollha tiegħu, inkluż fil-fergħat li għandu mferrxin madwar Malta u Għawdex wara attentat li sar fuq is-sistemi tiegħu.

Fi stqarrija li ħareġ, il-Bank qal li qiegħed jaħdem mill-qrib mal-pulizija lokali u internazzjonali biex jistabbilixxi min kien wara dan l-attentat.

Il-Bank assigura lill-klijenti tiegħu li l-kontijiet bankarji u flushom fil-bank bl-ebda mod ma ġew mittiefsa. Żied jingħad li l-Bank qiegħed jaħdem qatigħ biex isolvi din il-kwistjoni u jerġa’ jibda jħaddem l-operazzjonijiet tiegħu fl-iqsar ħin possibbli.

Il-BoV talab apoloġija lill-klijenti tiegħu għal kull inkonvenjent li seta’ nħoloq u se jibqa’ jaġġorna lill-konsumaturi tiegħu u lill-pubbliku b’mod ġenerali dwar l-aħħar żviluppi.

Ara wkoll: http://www.one.com.mt/news/2019/02/13/il-bov-jissospendi-l-operazzjonijiet-tieghu-wara-attentat-fuq-is-sistemi-tieghu/

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend