ARA: Żewġ kompetizzjonijiet fl-iskejjel biex jikber l-għarfien li wieħed jitgħallem lingwi barranin | One News

Notifiki

ARA: Żewġ kompetizzjonijiet fl-iskejjel biex jikber l-għarfien li wieħed jitgħallem lingwi barranin

Tniediew żewġ kompetizzjonijiet fl-iskejjel kollha ta’ Malta sabiex jikber l-għarfien dwar il-benefiċċji li wieħed jitkellem lingwa barranija. Din qed tiġi organizzata mill-kampanja “Ngħixu l-lingwi: niftħu dinjiet ġodda” fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Din il-kampanja għandha l-għan li tagħmel promozzjoni favur it-tagħlim ta’ lingwi barranin, lil hinn mill-Malti u l-Ingliż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-bżonn ta’ nies li jitkellmu diversi lingwi dejjem qiegħed jiżdied fis-suq tax-xogħol Ewropew.

Intqal ukoll li l-opportunitajiet ta’ xogħol għal dawk intiżi fil-lingwi jmorru lil hinn minn sempliċiment għalliem tal-lingwi jew gwida tat-turisti. Ssemmew setturi ġodda bħall-iGaming u fintech flimkien ma’ setturi eżistenti oħra bħas-servizzi finanzjarji kif ukoll it-turiżmu.

F’kelmtejn, il-Ministru Evarist Bartolo sostna li hemm bżonn li t-tfal jibdew jitgħallmu diversi lingwi minn eta tenerissima hekk kif dan jgħin fl-iżvilupp tal-moħħ, kif ukoll sabiex jkollhom opportunitajiet ikbar ladarba jikbru u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Intant, l-ewwel kompetizzjoni tinvolvi disinn ta’ flokk miftuħa għal tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji, filwaqt li l-kompetizzjoni l-oħra, li hija miftuħa għal tfal tas-sekondarja u f’istituzzjoni post-sekondarja, hija dik ta’ produzzjoni ta’ filmat qasir. Fiż-żewġ kompetizzjonijiet, il-prodott finali jrid jirrapreżenta kemm hu benefiċċjali li dak li jkun ikun miftuħ għal lingwi ġodda.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend