It-tkabbir ekonomiku li ra pajjiżna fl-aħħar snin u t-tnaqqis tal-burokrazija f’għadd ta’ entitajiet governattivi wassal sabiex aktar persuni jieħdu l-inizjattiva u jiftħu negozju ġdid.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat juru li matul l-2016 Malta kellha t-tieni l-ogħla rata ta’ negozji ġodda fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri juru li r-rata ta’ negozji ġodda f’Malta kienet ta’ 16.4%. Kienet biss il-Litwanja li kellha rata aktar għolja minn ta’ Malta bi 18.8%.
Ir-rata medja fl-Unjoni Ewropea bħala proporzjon tan-numru totali ta’ kumpanija attivi fl-Ewropa kienet ta’ 9.8%.
Malta kklassifikat qabel pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, l-Olanda, il-Lussemburgu, l-Italja u l-Ġermanja li l-biċċa l-kbira tagħhom kellhom rata anqas mill-medja Ewropea.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru wkoll li waqt li r-rata ta’ negozji ġodda fl-Unjoni Ewropea baqgħet fl-istess ilma meta żdiedet b’0.2%, f’Malta r-rata rdoppjat minn ftit aktar minn 8% għal aktar minn 16%.
Din l-istatistika tixhed il-miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar snin biex jegħleb fatturi li kienu qegħdin ixekklu l-ftuħ ta’ negozji ġodda f’Malta, fosthom il-permessi tal-bini, il-kontijiet tal-elettriku u l-burokrazija biex tiftaħ negozju ġdid.
Fost oħrajn bil-ftuħ taċ-ċentru Business First fl-Imrieħel li ġabar taħt saqaf wieħed bosta servizzi offruti minn entitajiet governattivi biex jiffaċilitaw il-ftuħ ta’ negozji ġodda f’Malta.
Fl-aħħar xhur ukoll bosta rapporti fosthom tal-Kummissjoni Ewropea u mill-Forum Ekonomiku Dinji nnotaw progress qawwi li tejbu l-kompetittività ta’ Malta fosthom bit-tnaqqis tal-burokrazija.