Int qed tgerger għax naqqsulek il-visiting hours iżda jien qatt iktar ma nista’nara lill-mummy, lanqas għal minuta waħda. Dan kien kliem Caricia Sammut, bint Christina Sammut li fl-2010 inqatlet kiesaħ u biered minn Kenneth Gafa fl-Mġarr. Caricia qalet dan f’filmat li tellgħet fuq Facebook b’reazzjoni għall-intervista li ntweriet waqt il-programm Xarabank tal-ġimgħa l-oħra.
Waqt dan il-programm ġew intervistati numru ta’ ħabsin fosthom Kenneth Gafa, l-qattiel ta’ omm Caricia. Fl-intervista tiegħu, Gafa kkritika deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-ħabs li fissret li l-ħabsin inqatalhom id-dritt li jkollom ħin waħedhom mal-partner tagħhom. Waqt l-istess intervista d-direttur tal-ħabs, il-Kurunell Alexander Dalli spjega li din id-deċiżjoni ttieħdet b’responsabbiltá kbira wara li ġie stabbilit li dak il-ħin kien qed jiġi sfruttat sabiex tidaħħal id-droga fil-ħabs.
B’rabta ma din il-kritika ta’ Gafa, Caricia stqarret li hi kien ilha s-snin li tteħdilha d-dritt li tara u tgawdi l-ħin ma’ ommha. Hija esprimiet id-dispjaċir tagħha wkoll għall-mod ta’ kif intagħżlu l-priġunieri għal dan il-programm. Viżibilment emozzjonata hija stiednet lill-produzzjoni ta’ Xarabank sabiex jimmaġinaw kif iħossuhom huma kieku raw lir-raġel li segwa u qatel lil ommhom jingħata l-pubbliċità fuq it-televiżjoni.