Fid-dawl ta’ fatti ppreżentati quddiem l-awtoritajiet Spanjoli, il-Gvern issospenda b’mod indefinit lid-Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd.
Fi stqarrija, ngħad li kif għamel dejjem il-Gvern qed jikkollabora mal-awtoritajiet fl-investigazzjonijiet kollha li qed isiru biex jiġu stabbiliti l-fatti kollha dwar dan il-każ anka fl-interess tas-settur tas-sajd u l-akwakultura f’pajjiżna.
Fl-investigazzjonijiet il-Pulizija Maltija involviet il-Europol biex tirċievi informazzjoni minn Spanja dwar l-investigazzjonijiet li saru dwar kumpanija Spanjola tat-tonn li topera minn Malta.
Intant l-awtoritajiet Maltin għaddejjin b’investigazzjonijiet oħra permezz tal-Pulizija ta’ Malta u anke għaddejja inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Intant b’reazzjoni, Dr Andreina Fenech Farrugia ċaħdet b’mod kategoriku xi nuqqas min-naħa tagħha u rribattiet l-allegazzjonijiet li saru fil-midja fil-konfront tagħha.
Fi stqarrija hija ddikjarat li hija dejjem osservat u adottat l-ogħla standards ta’ diliġenza u professjonaliżmu f’xogħolha. Qalet li dan huwa ddokument mal-awtoritajiet kompetenti.
Qalet li kull darba li twettqu xi illegalitajiet, hija dejjem ħadet il-passi kontra dawk l-operaturi li wettqu dawn l-illegalitajiet.