ARA: Sejħa għal investiment fis-sit tar-Raffles | One News

Notifiki

ARA: Sejħa għal investiment fis-sit tar-Raffles

Il-Partit Laburista ħareġ sejħa pubblika biex jirċievi espressjonijiet ta’ interess għal kiri ta’ proprjeta li għandu f’Pembroke.

Magħrufa bħala r-Raffles din il-proprjeta tikkonsisti minn binja li hija skedata fi Grad Wieħed, u tinsab fuq art kbira erba tomniet bejn il-grawnd tal-futbol tal-Luxol u l-Park and Ride.

Din l-inizjattiva tal-Partit Laburista hija parti mill-istrateġija ta’ konsolidament tal-assi tal-partit, filwaqt li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Dr Randolph Debattista, spjega kif l-investituri tħallew fil-libertà li joħorġu bl-ideat tagħhom.

“Ħallejna lill-investituri interessati liberi illi joħorġu b’business proposal illi tagħmel sens biex il-binja li għandha valur storiku għal pajjiżna tiġi rrestarwata imma wkoll joħroġ minna valur u skop għall-użu ta’ ‘business concept’ li jagħmel sens.”

Il-bini li hemm fuq l-istess art inbena fl-elf disa mija u tnejn, u għall-ewwel kien jintuża bħala klabb għal dawk li kienu fil-livelli baxxi tas-servizz Ingliż stazzjonati f’Pembroke.

Mat-tluq tas-suldati Ingliżi minn Malta fl-1979, il-proprjeta inbidlet f’diskoteka bl-isem ‘Raffles’.

Ir-rabta bejn il-Partit Laburista u din il-proprjeta tmur lura bosta snin.

“Kienet parti minn ftehim li kien sar biex jikkumpensa l-art li kellu l-Partit Laburista f’żona oħra u tul is-snin kienet tintuża qabel kienet mikrija qabel bħala diskoteka imma llum il-ġurnata jeħtieġ li jsirilha restawr.”

Dr De Battista saħaq li l-ideat tal-investituri jridu jkunu sensittivi għaż-żona, filwaqt li x-xogħolijiet iridu jirrispettaw il-valur tal-binja li għandha potenzjal enormi.

Innota li diġà kien hemm interess qawwi fl-ewwel sigħat mindu ħarġet is-sejħa.

“Hemm interess, hemm interess kbir diġà mill-ewwel ġurnata diġà kien hawn min avviċinana u nħares ‘il quddiem li din tkun ħolqa waħda ta’ strateġija li għandna u fil-fatt fix-xhur li gejjin se nkomplu nħabbru aktar proġetti relatati mal-assi tal-Partit Laburista.”

L-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sad-disgħa u għoxrin ta’ Marzu, biex wara jibda proċess ta’ evalwazzjoni li għandu jwassal biex dis-sena stess ikun magħżul l-aqwa proġett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend