ARA: F'Settembru jidħlu l-ewwel studenti fl-iskola l-ġdida tal-Qawra | One News

Notifiki

ARA: F’Settembru jidħlu l-ewwel studenti fl-iskola l-ġdida tal-Qawra

Mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet fl-iskola primarja l-ġdida fil-Qawra b’investiment ta’ tnax –il miljun ewro, sabiex f’Settembru li ġej tilqa’ fiha l-ewwel studenti.

Din l-iskola, proġett ieħor tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, ser tkun qed tikkumplimenta l-iskola primarja eżistenti fil-Qawra li wkoll ser tibqa’ miftuħa.

Il-Perit responsabbli mill-proġett, Joseph Attard, qal ma’ One News kif dan il-proġett se jtaffi mill-problema ta’ żieda fil-popolazzjoni f’din il-lokalità, billi madwar 500 tifel u tifla ser jibdew jitgħallmu fi skola ġdida mgħammra bl-aqwa faċilitajiet għat-tagħlim.

“Dan il-proġett, li huwa proġett mifrux fuq aktar minn disa’ t’elef  metru kwadru ħa jipprovdi aktar minn erbgħin klassi ġdida biex jintużaw għall-edukazzjoni tat-tfal tal-lokalità, dawn ħa jgħinu lill-iskola eżisteni biex tiprovdi faċilitajiet aħjar milli bħalissa qed nipprovdu”

Il-Perit Attard spjega li dan il-proġett mifrux fuq sitt sulari, ser ikun imqassam f’diversi żoni, b’dawk ewlenin ikunu l-iskola primarja, iċ-childcare center u sala kbira li fiha jistgħu jittellgħu bosta attivitajiet.

“Bażikament huwa mqassam, ground floor ser takkomoda xi classrooms u childcare center u għanda klassijiet fuq sulari oħrajn. għanda fażi hemmek li ser tkun il-hall u fejn qegħdin aħna preżentament hija ‘outdoor area’ bħala recreational”

It-tfal li se jibdew jattendu f’din l-iskola l-ġdida se jkollhom ukoll grawnd ġdid għal-logħob tal-futsal, żewġ courts għall-badminton u gym fuq ġewwa.

Bħal kull skola oħra ġdida, l-iskola qed tinbena b’mod li tiffranka l-enerġija, bl-aperturi kollha se jkunu bi ħġieġ double glazed, dwal li jaħdmu kollha bis-sistema LED u soqfa u ħitan tal-faċċati li se jinksew b’materjal apposta biex jikkontrolla aħjar it-temperatura fil-binja.

L-ilma tax-xita se jinġabar kollu f’ġibjun li nbena taħt l-iskola biex jintuża għall-faċilitajiet sanitarji u għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti.

Il-proġett jaħseb ukoll biex itaffi l-problema ta’ parkeġġ f’dawn l-inħawi, għax inkluż fiha ser qed ikun hemm parkeġġ ta’ żewġ sulari li ser jakkomoda fih madwar erba’ mitt karozza.

“Qed insaqqfu l-aħħar ftit mill-carparks, li għandna żewġ sulari, li dawn ser qed ikunu jakkomodaw madwar 380 karozza u li huma aċċessibli minn żewġ toroq differenti”

Il-proġett mistenni jitlesta għalkollox is-sena d-dieħla, sabiex kif imwiegħed fil-Budget għal din is-sena, it-tfal ta’ dawn l-inħawi u l-edukaturi tagħhom ikollhom skola oħra tal-ogħla livell.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend