Se jkollna ilma aħjar fi djarna – One News

Se jkollna ilma aħjar fi djarna

Qabad ritmu tajjeb it-tħaffir ta’ mina taħt l-art li se tgħaqqad l-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke mar-riserva tal-ilma f’Ta’ Qali. Il-mina  li kważi tħaffret nofsha, għandha l-għan li tiffaċilita d-distribuzzjoni u ttejjeb il-kwalità tal-ilma tax-xorb madwar il-gżejjer Maltin.

Waqt żjara li l-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia għamlu fuq il-lant tax-xogħol, ġie spjegat li l-ilma mhux se jibqa’ jgħaddi minn pajpijiet tal-ħadid, iżda minn sistema li mhux se jkollha bżonn li tikkundizzjona l-ilma bil-kimiċi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Richard Bilocca qal li l-proġett mistenni jitlesta fi żmien sentejn u nofs.

Is-Sur Richard Bilocca, l-Kap Eżekuttiv tad-WSC qal : “Se nkunu qed ngħaddu sistemi ta’ pajpijiet ġodda tal-fibreglass, biex l-ilma ngħaddu pur, u jitħallat Ta’ Qali mal-ilma tal-pjan u l-ġebla li nżidulu llum jeħodha b’mod naturali mill-ilma tal-pjan. Dan ifisser savings kbar għax il-mina mhux se tgħaddi mill-għolja tan-Naxxar imma se jkun qed jgħaddi b’mod ideali u mingħajr ma nżidu kimiċi żejda mal-ilma”.

Bħalissa l-ilma li jasal fid-djar tal-familji Maltin huwa tajjeb għax-xorb u pur, iżda ħafna jilmentaw mit-togħma.

Is-Sur Bilocca sostna li b’dan il-proġett kull dar se jkollha kwalità ta’ ilma aħjar.

Huwa kompla billi qal: “Kulħadd se jkollu l-istess blend. Jekk illum li tgħix Pembroke għandek ilma mod, u għax toqgħod Ħ’Attard għandek ilma mod ieħor, dik se tispiċċa għax kulħadd se jirċievi l-istess kwalità ta’ ilma”.

Il-proġett huwa wieħed minn sensiela b’investiment ta’ €130,000,000 fosthom proġett li se jnaqqas il-konsum tal-enerġija bin-nofs.

Huwa kompla billi qal: “Il-ħaddiema qed jibnu wkoll magni ġodda, liem magni se jtuna kważi d-doppju tal-ilma b’nofs l-ammont ta’ enerġija. Dawn huma savings kbar kemm mil-lat ambjentali u anke ekonomiku fejn qed ngħaddu l-ilma lin-nies b’servizz aktar sigur u ta’ kwalità aħjar.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-impenn tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma tirrifletti wkoll l-impenn tal-gvern f’dan is-settur.

Il-Ministru Joe Mizzi qal: “ Se jkollna aktar sigurtà tal-ilma jekk jinqala xi inċident jew qtugħ ta’ dawl, il-flow tal-ilma tibqa’ għaddejja u ma jkollniex dik il-problema. Nafu wkoll li l-pajjiż qed jiżviluppa u ma tistax ma tagħmilx dan l-investiment. Aħna dan l-investiment qed nagħmluh biex ikollna kambjament fil-qasam tal-ilma u drenaġġ”.

Il-proġett ta’ aktar minn €130,000,000 huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej, bis-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jisħaq li dan mhux se jkun l-uniku mod kif l-Ewropa qed tgħin lil pajjiżna f’dan il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li: “Mhux biss fondi Ewropej. Qed jiġi mħares u osservat ukoll minn sħabna l-Ewropej. Semmejt illum li pajjiżi Membri Ewropej oħra qed iħarsu lejn Malta bħala benchmark fil-qasam tal-ilma.

 

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss