Il-Gvern iffranka €24,000,000 f’benefiċċji soċjali – One News

Il-Gvern iffranka €24,000,000 f’benefiċċji soċjali

Mill-2014 l’hawn, 6,000 persuna daħlu fid-dinja tax-xogħol u ma baqgħux jirċievu l-benefiċċji soċjali. Bil-Gvern franka €24,000,000 f’benefiċċji soċjali.

Dan grazzi għall-iskema tat-tapering. Skema li daħlet fis-seħħ fl-2014 bil-għan li tħajjar lin-nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Bid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jibqa’ jħallas il-benefiċċju għal tliet snin, b’persentaġġ ta’ 35 % fl-ewwel sena, 45% fit-tieni sena u 25% fil-mija fit-tielet sena.

Is-6,000 ħaddiem, ladarba daħħlu fid-dinja tax-xogħol,  l-Gvern daħħal €11,500,000, fi ħlas ta’ taxxa ta’ dħul u sigurtà soċjali.

It-Tnejn filgħodu ġiet organizzata konfrenza minn Jobsplus dwar din l-iskema tat-tapering, it-tema – “Making Work Pay.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Clyde Caruana qal li minn analiżi li saret irriżulta, li 80% tal-persuni li bbenefikaw mill-iskema tat-tapering tal-benefiċċji, fl-2014, għadhom fid-dinja tax-xogħol.

Clyde Caruana il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus qal: “Qegħdin naraw jekk l-iskema hiex ta’ suċċess jew le. U in-numru qegħed jurina li l-ippjanar  li għamilna ħadna l-frott minnhu għax daħlu fid-dinja tax-xogħol u baqgħu fid-dinja tax-xogħol”.

Din l-iskema u l-opportunitajiet ta’ xogħol li ħoloq il-Gvern waslu sabiex Malta, ikollha fost l-inqas rata ta’ qgħad mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha.

Huwa kompla billi qal: “L-ammont ta’ nies fuq ir-reġistrata qabel kien ikollna kważi 8,000 jirreġistraw. Illum 1,800 jirreġistraw u taħt l-1,000 ruħ jieħdu l-benefiċċji.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li 70% ta’ dawk li bbenefikaw mill-iskema tat-tapering kienu nisa.  Filwaqt li qal li minn 4,000 persuna li kienu jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad, l-ammont niżel għal inqas minn 800.

Il-Ministru Michael Falzon qal: “Fissret li żgur we really make work pay minflok inqatalhom il-benefiċċju tal-qgħad beda jinqata bil-mod”. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddeskriva l-iskema tat-tapering bħala waħda tas-suċċess. Qal li l-pass li jmiss hu, li wara din il-miżura għandhu jitkejjel l-effett tal-iskema fuq l-imġieba tat-tfal u l-progress tagħhom fl-iskola.

Il-Ministru Bartolo kompla billi qal: “Mhux biżżejjed tħeġġeġ in-nies joħorġu jaħdmu, imma trid iġib l-investiment u x-xogħlu torbtu mal-ġustizzja soċjali”.

Ta’ QabelLi Jmiss