Bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Alexander Camilleri u ħuh Feliciano li l-ġimgħa l-oħra ġew mixlija li ħebbew għal student Għarbi ta’ 15-il-sena li kellu xi jgħid ma’ student ieħor li jiġi minnhom fl-iskola ta’ Pembroke. Huma ġew mixlija wkoll li darbu xi edukaturi.
Fil-Qorti ngħad li l-ġlieda nqalgħet wara li l-istudent Għarbi ta daqqa ta’ ponn lill-student l-ieħor minħabba flixkun tal-ice-tea.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Scerri qalet l-istudent ta’ 15 -il sena se jitressaq il-qorti mixli li ħebb għal sieħbu.
Assistent Kap tal-iskola xehdet li Alexander Camilleri refagħha u waqqagħha mal-art bil-konsegwenza li ġarrbet xi ġrieħi f’daharha.
Edukatur xehed li ftit wara li l-akkużati daħlu fl-uffiċċju tas-segretarja, Alexander Camilleri mar biex jagħti daqqa ta’ puncher lill-istudent Għarbi u minflok, laqat lill-edukatur.
Assistent Kap ieħor xehed li l-akkużati daħlu jiġru fuq il-vittma jistaqsuh minn ħebb għalih. Kien f’dan il-mument li Alexander Camilleri ħebb għall-istudent l-ieħor.
Is-segretarja tal-iskola xehdet li f’ħin minnhom Camilleri ħadilha l-puncher minn fuq l-iskrivanija. Qalet li bdiet tibża’ li seta’ jużaha biex joqtol lill-istudent l-ieħor.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €4,500 ewro u garanzija personali ta’ €5,500.