Ix-xufiera sodisfatti bil-mod ta’ kif kienet ippjanata l-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti – One News

Notifiki

Ix-xufiera sodisfatti bil-mod ta’ kif kienet ippjanata l-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti

Aktar minn tmienja u għoxrin elf tifel u tifla qed jinqdew mis-servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel tal-Istat, skejjel Indipendenti, u skejjel tal-Knisja li nieda dan il-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena skolastika.

Spjegat dan Jane Caruana, Maniġer għat-Trasport u l-Loġistika tal-iskema.

“Meta nqabblu kemm għandna studenti li qed jużaw is-servizz ma’ kemm kellna domanda, nistgħu ngħidu li qed naqdu aktar minn 99% tal-istudenti. Se nkomplu naħdmu qatigħ sakemm it-tfal kollha li huma ntitolati għal dan is-servizz jingħataw dan kif inhu xieraq,” hija spjegat.

 Meta ingħalqu n-negozjati f’Awwissu li għadda kien hemm tmintax-il operatur li kien se jagħti sehmu f’din l-iskema, iżda hekk kif bdiet tikber id-domanda, żdiedu l-operaturi, u qed iħarsu lejn l-iskema bħala opportunità biex jespandu l-operat tagħhom.

“Nisgtħu ngħidu li llum qbiżna il-170 operatur li daħlu f’din l-iskema. Tajjeb ngħidu li mhux biss żdied l-ammont ta’ operaturi imma dawn iddeċidew li jinvestu f’ammont ta’ vetturi, jiġifieri se nkunu f’sitwazzjoni fejn se nkunu nistgħu naqdu aktar tfal,” qalet Caruana.

ONE News tkellem ukoll ma’ John Vella, xufier li ta’ kull filgħodu jilqa’ l-istudenti fil-vettura tiegħu. Huwa qal li hu u sħabu x-xufiera sodisfatti ferm bil-mod kif kienet ippjanata l-iskema.

“Bħala xufiera aħna sodisfatti ferm. Hemm xi affarijiet li jistgħu jintranġaw imma mill-bqija kollox miexi sew,” qal is-Sur Vella.

Tal-istess sentiment, spjega s-Sur Vella, huma l-ġenituri.

Huwa qal: “Għall-ġenituri, il-fatt li s-servizz ġie b’xejn, kuntenti.”

Fil-fatt dan is-servizz qed iħalli iktar flus fil-but tal-familji, li hu stmat li kienu jħallsu mas-sitt mitt ewro fis-sena għal kull wild.

Servizz li qed ifisser ukoll mat-tlett elef karozza inqas fit-toroq tagħna, u li hu stmat li ħalla impatt ekonomiku pożittiv ta’ ħmistax-il miljun ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend