Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jiċħad allegazzjonijiet ta' Delia dwar l-anzjani | One News

Notifiki

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jiċħad allegazzjonijiet ta’ Delia dwar l-anzjani

Fi stqarrija, s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva b’diżpjaċir innota illi l-Kap tal-Oppozizzjoni qiegħed juża s-servizzi tal-anzjani, għall-politika partiġjana u allega wkoll li l-Gvern ilu ġedded numru ta’ kuntratti b’direct order tat-tindif fil-Faċilità għal Kura fit-Tul, San Vinċenz de Paul.

Is-Segretarjat Parlamentari stqarr li m’għandu l-ebda problema li l-Awditur Ġenerali jistħarreġ rapporti li dehru fil-midja.

Is-Segretarjat Parlamentari ċaħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet li huma fattwalment skorretti u intenzjonalment qarrieqa.

Is-Segretarju Parlamentari qatt ma ta direct order, qatt ma kien involut fil-proċess biex jingħata xi kuntratt partikolari u lanqas għandu awtorità li jaghti kuntratti jew direct orders.

Is-Segretarjat Parlamentari qal li dan huwa proċess kompletament trasparenti, kollu dokumentat u skont il-proċeduri u r-regoli stabbiliti fil-Public Procurement Regulations. Kull approvazzjoni ta’ kull kuntratt li ngħata dejjem ngħatat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għax huma konformi mar-regoli imsemmija. Kull insinwazzjoni jew allegazzjoni xort’oħra li saret dwar l-ogħti ta’ dawn il-kuntratti hija skorretta, qarrieqa u mhux veritiera, temmet tgħid l-istqarrija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend