Gvern li qiegħed iġib l-interess ta' Malta l-ewwel | One News

Notifiki

Gvern li qiegħed iġib l-interess ta’ Malta l-ewwel

Filwaqt li awgura lill-Pawlini kollha f’jum il-festa pubblika ta’ San Pawl, il-Prim Ministru Joseph Muscat awgura fuq kollox lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin li illum permezz tal-wegħda li saret fl-elezzjoni li għaddiet u li bdiet titwettaq, festa pubblika li tinzerta l-Ħadd, il-ħaddiema mhux ħa jitilfuha mil-leave tagħhom.

Fisser kif il-ħaddiema qed jingħatalhom dak li ħaddieħor kien ħadilhom bla ma avżahom.

“Dan huwa fl-aħħar mill-aħħar ir-raġuni għaliex dan il-gvern qed jikseb ir-riżultati għax għandna pjan u dak il-pjan qed inwettquh,” huwa saħaq.

Il-Prim Ministru stqarr li jieħu pjaċir ħafna li l-Kummissjoni Ewropea tgħidilna li Malta tagħna se tkun ekonomija bl-ikbar tkabbir fl-Ewropa kollha.

Qal li “Kemm nieħu pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea, issa dalwaqt jgħidulhom li huma korrotti, li l-kummissjoni ewropea tgħid li malta tagħna se tkun l-akbar ekonomija li tikber fl-ewropa kollha.”

Fid-dawl ta’ dan, il-Prim Ministru kkonferma kif ħa jibqa’ jiżdied ix-xogħol u l-investiment sabiex jibqa’ jkollna aktar proġetti soċjali u infrastrutturali.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tenna li huwa kruċjali li nkomplu naħdmu biex ngħollu isem pajjizna. Dan fl-istess waqt li t-Tnejn, min-naħa tal-partit nazzjonalista, se jsir attentat iddisprat ieħor biex jaraw kif jitfgħu d-dubju u t-tajn fuq isem Malta.

“U 105 ijiem oħra fil-25 ta’ Mejju nfehmuhilhom aħna bil-vot tagħna, nfehmuhom li ma jridux din it-tip ta’ politika,” sostna l-Prim Ministru.

Huwa temm billi appella biex kulħadd jifhem x’se jkun il-punt tat-tluq għall-elezzjoni tal-parlament ewropew u qal li dan qed jgħidu biex minn issa, issir ħidma biex nkunu nistgħu nagħzlu l-aħjar rapprezentanti għal Malta fil-Parlament Ewropew.

“Il-mentalita tagħna mhijiex ta’ assedju, il-mentalita tagħna hija ta’ ftuħ, dik hija l-mentalita li għenitna, li rebħitna, li rebħet il-pajjiż u li ħa nkomplu nżommu għal malta t’għada,” qal il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend