99% tal-istudenti moqdija minn trasport għall-iskejjel b'xejn | One News

Notifiki

99% tal-istudenti moqdija minn trasport għall-iskejjel b’xejn

Hemm iktar minn 28,000 tifel u tifla li qed jużaw it-trasport b’xejn lejn l-iskejjel biex ftit xhur wara li bdiet titħaddem skema ġdida għat-tfal li jmorru skejjel tal-Knisja u privati llum wieħed jista’ jgħid li kważi kull student huwa moqdi.

F’kummenti lil ONE NEWS li se jixxandru fil-bulettin tal-lejla, Jane Caruana, Manager tat-Trasport u l-Loġistika tal-Ministeru tal-Edukazzjoni qalet li n-numru ta’ 28,000 jinkludi studenti li jmorru kemm skejjel tal-istat kif ukoll tal-Knisja u indipendenti.

“Meta nqabblu d-domanda ma kemm qed jużaw is-servizz nistgħu ngħidu li qegħdin naqdu ’l fuq minn 99% tat-tfal kollha. Aħna min-naħa tagħna għadna u se nibqgħu naħdmu qatigħ sakemm it-tfal kollha jkunu qed jieħdu dan is-servizz kif xieraq,” qalet Caruana.

Is-servizz infirex lejn skejjel privati u tal-Knisja wara negozjati twal għax ilGvern ried li jieħu  l-aħjar servizz mingħand l-operaturi. F’ċerti snin bdiet ukoll is-superviżjoni tat-tfal li jużaw dawn isservizzi.   Meta f’Awwissu ngħalqu n-negozjati kien hemm madwar 18–il operator involut.

“Illum għandna iktar minn 170 operatur li daħlu f’din l-iskema. Mhux biss żdiedu n-numru ta’ operaturi iżda wħud minn dawn l-operaturi ddeċidew li jinvestu fil-flotta tagħhom,” qalet Caruana.

B’din il-bidla eluf ta’ familji raw lill-Gvern iħallihom mijiet ta’ ewro fil-but kull sena. Saħansitra l-Gvern iħallas dirett lill-operaturi b’mod li l-familja qatt ma tkun ħarġet xejn mill-but.

Huwa stmat li ġenituri b’wild wieħed kienu jħallsu madwar €600 fis-sena għal transport u min għandu iktar ulied saħansitra jħallas kważi d-doppju.

Il-miżura ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha tiswa madwar €20 miljun fis-sena. Din il-miżura naqqset madwar 3,000 karozza mit-triq u ħalliet impatt ekonomiku pożittiv ta’ €15-il miljun.

ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend