Il- mewt ta’ tifla ta’ 10 snin li allegatament kienet qed issofri abbuż minn missierha, xprunat lill-Ġappuniżi biex joqogħodu iktar attenti minħabba l-każi rekord li għandhom fuq l-abbuż tat-tfal.
Fl-24 ta’ Jannar, Mia Kurihara nstabet mejta fid-dar tagħha f’Noda, qrib il-kapitali ta’ Tokyo.
Hija kienet għamlet allegazzjonijiet ta’ vjolenza fi kwestjonarju kunfidenzjali tal-iskola. Hija kitbet nota lill-għalliema tagħha li missierha Yuichiro Kurihara, kien qed jeżerċita vjolenza fiżika fuq bintu.
“Missieri jqajjimni f’nofs ta’ lejl u jibda’ jsawwatni u jtini daqqiet ta’ sieq. Tista tgħinni jekk jogħġbok?”
Hija tpoġġiet taħt kustodja protettiva u kienet tgħix ma’ membru ieħor tal-familja.
L-uffiċjali però ddeċidew li jibgħatuha d-dar meta missierha ppreżenta ittra mingħand it-tifla li neħħiet kull akkuża kontrih.
Skont Hitoshi Nihei, li qara l-ittra f’konferenza stampa, Mia kitbet: “Kienet gidba li missieri sawwatni. Jekk jogħġobkom tiġux tarawni”.
Nihei qal li missier Mia seta’ ġiegħel lil bintu jikteb dik l-ittra.
Mia marret lura d-dar f’Marzu tas-sena l-oħra, però sfortunatament, ħadd mill-uffiċjali tal-edukazzjoni Ġappuniża ma’ mar jagħmel xi home visits biex jara li kienet tinsab tajba.
Fi ftit inqas minn sena, hija mietet.