“Adrian Delia qiegħed idawwar in-nomina tal-President tar-Reppublika f’logħba politika interna biex isalva ġildu mal-fazzjonijiert different tal-Partit Nazzjonalista”, dan qalu l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer.
Cyrus Engerer qal li hija ħasra li l-ġlied intern tal-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkundizzjona kull pass tal-Kap tal-Oppożizzjoni, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali bħal ma hi l-ħatra tal-President tar-Reppublika.
Engerer spjega li kif diġà saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-għażla dwar il-President li jmiss għandha tkun ibbażżata fuq l-għaqda nazzjonali, il-kompetenza u l-mod ta’ kif il-persuna tkun tista’ tgħin l-immaġini ta’ pajjiżna barra minn Malta.
F’dawn l-aħħar snin pajjiżna esperjenza l-akbar attakk politiku fl-istorja tiegħu. Għaldaqstant, il-persuna magħżula fil-kariga ta’ President se jkollha rwol mill-aktar importanti biex mhux biss ikompli jgħaqqad lill-Poplu Malti iżda wkoll iwassal il-messaġġ barra minn Malta.