Salvatore La Rocca, Taljan ta’ 42 sena ġie lliberat mill-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Dan wara li fil-qorti ġie mixli li ffastidja kif ukoll naqqas il-ġieh lill-eks tfajla tiegħu Sara Barbieri. Il-każ seħħ fl-2016 meta kienet għadha kif intemmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Bl-eks tfajla tgħid li mhux l-ewwel darba li l-imputat kien jgħaddi minn quddiem il-ħanut tagħha f’San Ġiljan u kien jirraisja l-mutur- azzjoni li kienet qed tnisslilha ċertu biża. Żiedet tgħid li malli bidlet ir-residenza fejn kienet qed tgħix, l-imputat mar joqgħod fl-istess triq fejn kienet hi. Apparti minn hekk, l-imputat kien akkużat li daħal fil-posta elettronika u mezzi soċjali oħra ta’ Barbieri sabiex ikun jaf x’qegħda tagħmel.
Fin-natura tal-każ, il-Maġistrat Joe Mifsud semma kif kien hemm verżjonijiet kunfliġġenti u qal li ma kienx hemm biżżejjed provi dwar l-aċċess tal-mezzi eletroniċi. Mentri ċ-ċirkostanzi li fihom it-tfajla semmiet li ġiet mhedda u ffastidjata, ma jikkwalifikawx; dan għall-fatt li ħareġ ċar li fl-istess perjodu li ġie allegat il-każ, kien hemm korrispondenza għaddejja bejn iż-żewġ partijiet.