Kmieni l-Ħamis filgħodu ħallew lil Malta 2 gruppi ta’ immigranti li ddaħlu f’pajjiżna bejn Diċembru tas-sena l-oħra u l-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Dawn se jiġu rilokati fi Franza u l-Lussemburgu rispettivament.
Uħud minn dawn jiffurmaw parti mid-49 immigrant li kienu fuq iż-żewġ bastimenti Seawatch 3 u Albrecht Penck, li ddaħħlu f’pajjiżna fl-14 ta’ Jannar li għadda.
Dan wara ftehim li kien laħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u 8 Membri Stati, sabiex dawn, mal-171 immigrant salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta, jiġu rilokati f’dawn il-pajjiżi Ewropej.
L-immigranti kienu assistiti mill-awtoritajiet lokali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u uffiċjali mill-Ambaxxata ta’ Franza u l-Konsulat tal-Lussemburgu f’Malta.