Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista reġgħet kienet evidenti l-Erbgħa filgħaxija, meta l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ma kienx preżenti għall-attività politika fil-kazin Nazzjonalista ta’ Ħal Lija.
Simon Busuttil joqgħod ftit passi ’l bogħod mill-Każin Nazzjonalista ta’ Ħal Lija.
Bis-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li kienu qegħdin jistennew li Simon Busuttil jattendi għal din l-attività politika.
Iżda n-nuqqas ta’ preżenza ta’ Busuttil, bagħtet messaġġ li l-inkwiet u l-firda fil-Partit Nazzjonalista għadu evidenti. U minkejja kull sforz, il-fazzjoni ta’ Delia u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil jiqbgħu ma jarawx għajn m’għajn.
Is-sorsi tagħna qalulna li lanqas il-Partit Nazzjonalista jew Adrian Delia ma ħassew li għandhom jistiednu lil Simon Busuttil għall-attività politika f’Ħal Lija.
Dan anki għaliex fil-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-ġimgħa li għaddiet, Simon Busuttil akkuża lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li l-qasma fil-Partit Nazzjonalista ħoloqha Delia nnifsu meta sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sena u ħames xhur mindu Delia ħa tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, ma waqfux l-isforzi tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sabiex ineħħu lil Adrian Delia minn Kap.
Dan anki għax Adrian Delia qiegħed jħabbat wiċċu ma’ allegazzjonijiet serji fosthom li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.