L-Ajruport ta’ Malta kellu bidu b’saħħtu għas-sena 2019 hekk kif kienet irreġistrata żieda ta’ iktar minn 4% fin-numru ta’ passiġġieri meta mqabbla ma’ Jannar 2018.
Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport qalet li aktar minn 366,000 passiġġier għaddew mill-ajruport u b’hekk kompla jirreġistra tkabbir b’ritmu aktar meqjus fix-xhur xitwin.
B’604 passiġġieri aktar mir-Renju Unit, is-suq Taljan kien l-aqwa suq għax-xahar ta’ Jannar. Is-suq Ġermaniż segwihom fit-3 post.
Ingħad li suq li ma kienx mal-aqwa 5iżda li kiber b’rata notevoli ta’42% kien dak Ungeriż. Dan it-tkabbir jista jiġi attribwit għall-fatt li r-rotta ta’ Budapest ġiet estiża fix-xitwa wkoll.
Minn fost l-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport, Spanja rreġistrat tkabbir fenomenali ta’ 87% , filwaqt li s-suq Franċiż kiber b’rata ta’ 12%.
Dawn iż-żewġt iswieq juru li l-istrateġija ta’ diversifikazzjoni bejn l-Ajruport, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu qed twassal għar-riżultati mixtieqa.
L-aktar jum impenjattiv għal Jannar kien it-tnejn ta’ Jannar, meta għaddew mill-ajruport akatar minn 17,200 passiġġier.