Il-ġgant fis-settur tal-proprjetà, RE/MAX Malta, reċentement tat donazzjoni ta’ €50,000 lill-Fond tal-President u lill-Community Chest Fund. L-ammont, li ngħata direttament lill-President Marie Louise Coleiro Preca matul il-festin tal-Milied tal-kumpanija fil-Westin Dragonara Resort, inkluda €40,000 speċifikament biex jgħin il-kampanja ta’ karità #HelpThemRead, li ġiet imnedija fl-aħħar kwart tas-sena 2018 biex tagħti appoġġ lil 60 tifel u tifla neqsin mid-dawl.
L-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, filwaqt li kienet qed tindirizza l-ħaddiema ta’ RE/MAX matul il-festin – bosta minnhom akkumpanjati mis-sieħeb jew sieħba tagħhom – qalet: “Ninsab kburija ħafna bikom kollha minħabba li għamiltuha l-missjoni tagħkom li tiġbru ammont sostanzjali ta’ flus għal tfal inqas ixxurtjati li urġentement għandhom bżonn tagħmir li jgħinhom jaqraw. Dan il-ġest se jibdel il-ħajja ta’ dawn it-tfal kif ukoll tal-komunità b’mod ġenerali. Il-Fondazzjoni RE/MAX & Friends hija ta’ eżempju għal kumpaniji oħra, bħala mudell ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR).”
Il-Fondazzjoni RE/MAX & Friends, flimkien mal-uffiċċji tal-Bejgħ u l-Kiri ta’ RE/MAX, organizzaw kompetizzjoni biex jaraw liem uffiċċju jista’ jiġbor l-aktar fondi għal din il-kawża. Minn attivitajiet ta’ trekking għal mixjiet bil-klieb bl-għajnejn mgħottija, għal stands tal-hot dogs u l-luminata u ħasil ta’ karozzi (anke kunċerti mużikali bil-parteċipazzjoni ta’ artisti lokali, kampjonati tal-futbol u ġranet għat-tfal), il-kumpanija għamlet dak kollu li setgħet biex tilħaq il-mira tagħha.
L-uffiċċji li ġabru l-aktar għall-kampanja #HelpThemRead ipparteċipaw fi preżentazzjoni sorpriża, fejn ġew ippreżentati ċertifikati personalment mill-E.T. Marie Louise Coleiro Preca. Il-ħames uffiċċji li ġabru l-aktar u li ngħataw ċertifikati kienu: RE/MAX Alliance Tigne, RE/MAX Affiliates Fgura, RE/MAX Affiliates Ta’ L-Ibrag, RE/MAX Alliance Marina, u RE/MAX Affiliates Crown Sliema.
Jeff Buttigieg, membru tal-bord fil-Fondazzjoni RE/MAX & Friends, qal: “Għamilna miri ta’ sfida, u dehret ħaġa diffiċli ħafna fil-bidu, iżda għaqqdet lill-kumpanija flimkien. Is-27 uffiċċju kollha kienu involuti, emmnu fil-kawża u kisbu dan ir-riżultat fantastiku flimkien. Kienet ta’ sodisfazzjon kbir li tara tant atti altruisti minn persuni fi ħdan l-organizzazzjoni tagħna… Emmnu f’għan wieħed, u ħadu pjaċir jagħmlu dan.”
Il-Fondazzjoni RE/MAX & Friends hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li ġiet stabbilita fl-2014. L-iskop ewlieni tagħha hi li tiġbor fondi għal tfal b’mard kroniku. Il-Fondazzjoni żżomm perċentwal tal-fondi tagħha għall-ħaddiema tagħha li jista’ jkollhom marda kronika u li forsi jkollhom bżonn appoġġ monetarju għal xi trattamenti.