L-MCAST sodisfatt bl-istqarrija tal-MUT dwar is-salarji tal-membri tagħhom – One News

Notifiki

L-MCAST sodisfatt bl-istqarrija tal-MUT dwar is-salarji tal-membri tagħhom

L-MCAST wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-MUT wriet fiduċja fl-operat tal-MCAST f’dak li għandu x’jaqsam mas-salarji tal-membri tagħhom hekk kif ġie rrappurtat fil-Malta Independent tas-Sibt li għadda.

Huwa fatt illi l-kwistjoni tas-salarji ġiet riżolta u kull arretrati li kien hemm ġew imħallsa kif ukoll ġew fis-seħħ is-salarji l-ġodda, skond il-ftehim kollettiv iffirmat f’Lulju 2018. L-MCAST itenni kuntrarju għal dak li qal il-President tal-MUT illi mhemm l-ebda ilment pendenti mil-letturi tal-MCAST.

L-MCAST għalhekk titlob li d-direttivi jitneħħew minnufih biex b’hekk jitkomplew it-taħditiet mal-Unjin dwar l-istatus il-ġdid tal-Professorat, il-frank sabbatiku, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dan l-istess sabbatiku. L-MCAST jibqa’ kommess illi jonora dak li ġie miftiehem fil-ftehim kollettiv ta’ Lulju li għadda, sabiex l-interess għat-tagħlim u taħrig tal-istudent jiġi mħares b’mod etiku u professjonali.

F’kumment li ta lill-istampa, il-Prinċipal tal-MCAST Prof James Calleja wera d-dispjaċir tiegħu lejn kummenti negattivi li saru f’sezzjoni tal-midja li ma jirriflettux ir-realta’ tal-iżvilupp kbir li qed isir fil-kulleġġ. Liema kummenti qiegħdin jimminaw ir-reputazzjoni tal-MCAST u tal-istudenti u l-istaff.

Il-Prinċipal saħaq: “Hija ħasra li n-normalità fil-kulleġġ vokazzjonali qed tkun imfixkla sistematikament għad-detriment tal-istudent. L-MCAST isostni li l-ġid tal-istudenti u l-ħaddiema jibqa’ l-prijorita ewlenija tal-kulleġġ.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend