Fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat ġie ffirmat ftehim bejn il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali u l-Awtorità tad-Djar, li se jissarraf f’ħamsin miljun ewro għall-bini ta’ aktar minn 500 appartament ta’ housing soċjali.
Dawn se jkunu fi 22 sit fi tnax-il lokalità – Raħal Ġdid, Ħal Kirkop, ir-Rabat, Ħaż-Żabbar, il-Mellieħa, Ħal Luqa, iż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, is-Siġġiewi, il-Qrendi u Marsaskala.
Il-kobor tal-appartamenti jvarja minn dawk b’kamra tas-sodda waħda, għal oħrajn b’żewġ kmamar tas-sodda, u appartamenti bi tliet kmamar tas-sodda.
Dan jirrifletti eżerċizzju ta’ profiling li qed isir mill-Awtorità tad-Djar mal-applikanti kollha għall-housing soċjali biex ikun żgurat li jinbena dak li hemm bżonn skont il-bżonnijiet individwali.
Huwa ppjanat li l-proġett ikun tal-ogħla livell skont l-aħħar regolamenti u standards lokali tal-bini kif ukoll dawk ta’ sigurtà u saħħa għar-residenti.
Biex l-Aġenzija tassigura dan, ġie kkummissjonat studju dettaljat li se jipprovdi linja gwida lill-partijiet konċernati.
Dan l-istudju li ser jifforma parti integrali fil-proċess tal-ippjanar kollu tal-proġett biex jiġu massimizati l-ispazji tas-siti bl-aktar mod efficjenti fl-isfond tad-domanda għall-akkomodazzjoni socjali kif ipprogettat mil-eżerċizzju ta’ Social Profiling li sar mill-Awtorità tad-Djar.
Intant, fi proġett separat, il-Gvern bħalissa qed jibni 680 appartament ieħor f’16-il sit.
B’hekk l-ammont totali ta’ units ġodda li dan il-gvern se jibni se jkun ta’ madwar 1,100 appartament.