Aktar minn elf student jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-uniformi fl-iskejjel | One News

Notifiki

Aktar minn elf student jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-uniformi fl-iskejjel

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ta bidu għal konsultazzjoni fuq l-uniformi fost l-istudenti fl-iskejjel medji u sekondarji tal-istat u li se tiġi fi tmiemha nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Frar.

It-total ta’ studenti li taw l-opinjoni tagħhom sa issa huwa ta’ 1,009. Għaldaqstant, studenti li huma fis-snin ta’ bejn Year 7 u Year 11 huma mħeġġa jkomplu jagħtu l-opinjoni tagħhom u jagħmlu l-għażla favorita tagħhom jekk jippreferux uniformi tracksuit komda u sportiva jew uniformi kif inhi preżenti.

Il-process tal-votazzjoni huwa wieħed faċli. Student jista’ jidħol fuq is-sit www.edu.gov.mt/uniform-consultation, jagħmel login permezz ta’ l-iLearn Account tiegħu u jagħżel il-preferenza tiegħu.

Jekk student isib xi tip ta’ problema biex jaċċessa l-link jew ma jiftakarx il-password jista’ jagħmel kuntatt fuq 2598 1860 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju bejn id-09:00 u l-16:30 u jiġi gwidat minnufih.

Sadanittant, l-istudenti tal-iskejjel primarja se jkunu kkonsultati permezz ta’ focus groups li se jiġu organizzati fl-iskejjel għal stħarriġ abbażi ta’ opinjoni fost l-istudenti kollha tal-istat.  Dawn il-focus groups se jibdew mill-ġimgħa d-dieħla.

Waqt li tinġabar din l-informazzjoni fost l-istudenti, il-pass li jmiss ikun konsultazzjoni fost il-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-istat u l-edukaturi tal-iskejjel tal-istat lejn l-aħħar ta dan ix-xahar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend