FL-2018 In-numru ta’ żwiġijiet bil-Knisja fis-sena 2018 kien ta’ 1,192. Din iċ-ċifra tinkludi 62 żwieġ f’Malta li ġie konvalidat u li ma jiġux inklużi fit-total ta’ żwiġijiet bil-Knisja mogħtija fil-Parlament.Żwieġ konvalidat ifisser żwieġ ta’ koppji li kienu żżewġu ċivilment biss u li aktar tard għażlu li jiżżewġu wkoll bil-Knisja. Dan it-total ma jinkludix iż-żwiġijiet bil-Knisja li saru f’Għawdex. It-total ta’ żwiġijiet bil-Knisja bejn koppji barranin kien ta’ 73 koppja.
Jekk wieħed inaqqas iż-żwiġijiet bejn koppji barranin, in-numru ta’ żwiġijiet bil-Knisja bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija, kien ta’ 1,119.
In-numru ta’ żwiġijiet ċivili fis-sena 2018 kien ta’ 1,423. Dan jinkludi: żwiġijiet bejn mara u raġel, żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess, żwiġijiet bejn koppji li żżewġu t-tieni darba u żwiġijiet bejn koppji barranin.
It-total ta’ żwiġijiet ċivili bejn koppji barranin kien ta’ 8503. Jekk wieħed inaqqas iż-żwiġijiet bejn koppji barranin, in-numru ta’ żwiġijiet ċivili bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija, kien ta’ 573.
Għalhekk, it-total ta’ żwiġijiet (ċivili u bil-Knisja) f’Malta fl-2018 kien ta’ 2,614 u t-total ta’ żwiġijiet bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija kien ta’ 1,692. L-istatistika għall-2018 turi wkoll li mit-total ta’ żwiġijiet f’Malta bejn koppji Maltin ma’ Maltin, u Maltin ma’ barranin, 66% (ekwivalenti għal 1,119) għażlu żwieġ bil-Knisja, u 34% (ekwivalenti għal 573) iżżewġu biċ-ċivil. Dan ifisser li żewġ terzi taż-żwiġijiet li saru bejn koppji Maltin u bejn koppji Maltin ma’ barranin huma żwiġijiet bil-Knisja.