Il-Kandidata għall-parlament Ewropew Lorna Vassallo tiltaqa' mad-delegati tal-ewwel erba' distretti elettorali | One News

Notifiki

Il-Kandidata għall-parlament Ewropew Lorna Vassallo tiltaqa’ mad-delegati tal-ewwel erba’ distretti elettorali

Waqt laqgħa għad-Delegati tal-ewwel erba’ distretti elettorali ġewwa ċ-Ċentru Laburista tal-Birgu, il-kandidata għall-Parlament Ewropew Lorna Vassallo tkellmet dwar diversi temi. Fosthom il-bżonn li l-Ewropa tgħin issolvi l-problemi ġejjin mill-Afrika. Qalet li biex isir dan hemm bżonn inkunu intiżi fil-politika Afrikana daqskemm dik Ewropea. Jeħtieġ inbiddlu l-mod kif inħarsu lejn dan il-kontinent u nuru l-iżviluppi li qed isiru. Jeħtieġ ukoll ngħinu pajjiżi u reġjuni li sejrin tajjeb u dawk li qed jilqgħu l-akbar kampijiet tar-refuġjati fid-dinja bħall-Kenja.

Għal Malta l-konnettività bl-ajru u l-investiment fl-enerġija fl-Afrika huma żewġ setturi li għandhom potenzjal enormi. Migrazzjoni legali u xogħol staġjonali għandhom ikunu fost is-soluzzjonijiet. Hija qalet li temmen li hemm bżonn isir pjan biex jinħoloq Kumitat dwar il-Migrazzjoni fil-Parlament Ewropew u Delegazzjonijiet fi ħdanu dwar pajjiżi Afrikani.

Mal-attivisti tal-Partit Laburista Vassallo tkellmet dwar kif Malta waqgħet erba’ postijiet fl-aħħar elezzjoni fejn jidħlu nisa fil-Parlament. Qegħdin fil-152 post minn 190 pajjiż. Hawn fissret kif hija favur sabbatical għal nisa fil-politika u tħares ‘il quddiem lejn ir-riformi li jrid jagħmel il-gvern f’dan is-settur.

Filwaqt li mmarkat il-bidliet kbar li għamel pajjiżna fis-settur tad-diżabbiltà fl-aħħar snin hi qalet li wieħed jista’ jagħmel iktar.  Tkellmet ukoll dwar il-fatt li jeħtieġ nieħdu passi fejn għandu x’jaqsam ma’ insulti b’mard u b’diżabilità kemm lil nies li huma b’diżabilità kif ukoll dawk li mhumiex. Insulti bħal dawn iweġġgħu wisq nies u wisq fil-fond .

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend