Freedom House b'ċertifikat għad-demokrazija f'Malta | One News

Notifiki

Freedom House b’ċertifikat għad-demokrazija f’Malta

Għalkemm mhux sorpriża, ir-rapport ta’ Freedom House dwar il-libertajiet f’pajjiżi differenti madwar id-dinja, reġa’ poġġa lil Malta fost l-aqwa.

L-iktar pajjiżi ħielsa jiksbu punteġġ ta’ wieħed u l-inqas pajjiżi ħielsa jingħataw punteġġ ta’ sebgħa.

Malta kisbet punt wieħed għal libertajiet b’mod ġenerali li jfisser li pajjiżna jinsab fost l-iktar pajjiżi meqjusa “Free” fid-dinja.

Dan ifisser ukoll li f’din il-kategorija ma setax jinkiseb punteġġ aqwa.

Malta baqgħet ukoll fost il-pajjiżi li jinsabu b’punteġġ ta’ iktar minn 90 minn mija (91 fil-każ ta’ Malta) b’mod ġenerali u li għalhekk għandhom fost l-iktar reputazzjoni b’saħħitha madwar id-dinja għal dawk li huma libertajiet.

Kif jindika r-rapport b’mod ġenerali, il-pajjiżi għandhom jilħqu kriterji għolja biex iżommu fost l-aqwa u dak li reġa’ għamel pajjiżna. Saħansitra dwar is-sitwazzjoni fid-dinja r-rapport jgħid “Democracy in Retreat.”

Il-midja internazzjonali bħalissa hija ddominata mill-aħbar li l-Istati Uniti waqgħet lura b’mod sostanzjali f’dan ir-rapport. Tant li mar-rapport hemm sezzjoni speċifika fuq il-pajjiż li għal snin twal serva bħala simbolu tal-libertà.

Dan ir-riżultat b’saħħtu minn Malta nkiseb minkejja l-attakki kontra Malta tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-fora internazzjonali.

Minn stqarrijiet u passi li ttieħdu riċentament il-Gvern jidher li jrid ikompli jsaħħaħ il-libertajiet u d-demokrazija f’pajjiżna. Għalhekk baqa’ u se jibqa’ jimplimenta bidliet għal dan il-għan.

Dan fost oħrajn billi jieħu s-suġġerimenti tal-Kummissjoni Venezja li kien il-Gvern stess li talabha rapport dwar Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend