Aktar minn 30,000 Malti jgħixu fir-Renju Unit qed juru tħassib dwar il-futur tagħhom f’dan il-pajjiż fid-dawl ta’ Brexit.
Fiċ-ċentru ta’ Londra, dan l-istazzjon żar lill-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit Joseph Cole.
Laqgħana fl-uffiċċju tiegħu u qasam magħna t-tħassib tal-Maltin li jgħixu fil-pajjiż li jrid jinħall mill-Unjoni Ewropea.
“Jekk hux se jkomplu, jkunu jistgħu jaħdmu, jgħixu, jistudjaw u wkoll jekk hux se jkollhom aċċess għall-benefiċċji soċjali kif ukoll għas-servizzi li joffri l-Gvern Ingliż fosthom l-edukazzjoni u l-qasam tas-saħħa.”
Filwaqt li stqarr magħna li hemm bosta affarijiet li grazzi għall-ħidma bejn il-Gvern Malti u dak Ingliż se jibqgħu fis-seħħ bħal konvenzjoni dwar is-saħħa li saret fl-elf disgħa mija u ħamsa u sebgħin, tul l-intervista saret referenza għall-importazzjoni ta’ mediċini, fejn il-Gvern ħadem biex f’każ ta’ diffikultajiet minħabba l-ħruġ tar- Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, ma jkunx hemm għoli fil-prezzijiet, jew mediċini out of stock.
Il-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit spjega wkoll li biex jindirizza numru ta’ tħassib fost il-komunità Maltija fir-Renju Unit qed isiru laqgħat importanti.
“Għamilna wkoll laqgħa l-High Commission fejn stiedinha uffiċjali għolja tal-Gvern Ingliż li qegħdin jaħdmu fil-qasam ta’ BREXIT, min-naħa tal-Gvern Ingliż u ftaħniha għall-Maltin. Nista’ ngħidlek li l-konkorenza kienet kbira ħafna, urew interess kbir, staqsew il-mistoqsijiet u nittamaw illi jekk ir-riżorsi jippermettu attività bħal din nerġgħu norganizzawha għall-Maltin li għandna fil-komunità biex intuwhom l-aħħar żviluppi li jkunu għaddejin fuq BREXIT.”
Fuq kollox spjega li lil hinn minn BREXIT, Malta għandha rabta speċjali mar-Renju Unit u din mhux mistennija tinħall.
“Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit huma eċċellenti, pero iktar importanti minn hekk, ir-relazzjoni bejn il-poplu Malti u l-poplu Ingliż hija soda ħafna u din tmur lura snin twal. Jiġifieri BREXIT, deal or no deal dawn ir-relazzjonijiet se jibqgħu hemm hekk, se jibqgħu tajbin u ħa nkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun isiru iktar aħjar.”
Spjega kif il-messaġġ taż-żewġ Gvernijiet, huwa importanti biex BREXIT jiddawwar f’opportunità tajba għaż-żewġ pajjiżi.
“Nittama li l-messaġġ li ħareġ kemm min-naħa tal-Prim Ministru tagħna u kemm min-naħa tal-Prim Ministru Ingliż, irridu naħdmu aħna bħala Kummissjoni biex nassiguraw biex dan il-messaġġ li huwa pożittiv ħafna nwettquh kemm għall-ġid tal-komunità Maltija fl-Ingilterra u għaċ-ċittadini Ingliżi li jgħixu ġewwa Malta.”