Il-President tal-Venezwela, Nicolas Maduro, qal li mhux jeskludi l-possibiltà li sseħħ gwerra ċivili f’pajjiżu, f’mument fejn qed tiżdied il-pressjoni fuqu biex jirriżenja.
F’intervista televiżiva Maduro wissa lill-President Amerikan Donald Trump illi jekk ifettillu jintervjeni fil-kriżi tal-pajjiż SudAmerikan, se jħalli l-White House imċappsa bid-demm.
Fl-istess waqt Maduro ċaħad l-istedina tal-Unjoni Ewropea li jsejjaħ elezzjonijiet ġodda.
Dan hekk kif il-Venezwela għaddej minn kriżi li wasslet biex miljuni ta’ ċittadini jaħarbu mill-pajjiż. Kriżi politika u ekonomika li waslet wara elezzjonijiet li bosta sostnew kienu inġusti hekk kif għadd ta’ kandidati lanqas biss tħallew jikkontestaw.
Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Venezwela, Juan Guaidó iddikjara lilu nnifsu president temporanju wara li kiseb l-appoġġ tal-Istati Uniti fost pajjiżi oħra.