Alfred Sant jiddeplora manuvri kontra Malta | One News

Notifiki

Alfred Sant jiddeplora manuvri kontra Malta

L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant iddeplora l-manuvri ta’ ċerti Parlamentari Ewropej biex jagħmlu lil Malta wkoll suġġetta għal restrizzjonijiet fuq l-istat tad-dritt filwaqt li jaqsmu l-aġenda moħbija tal-forzi anti-governattivi f’Malta.

F’intervent fuq ir-riżoluzzjoni ‘L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, żviluppi minn Settembru tal-2018’ fil-Parlament Ewropew Dr Sant qal li l-eżami ta’ kif l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija u bnadi oħra fl-Unjoni Ewropea qed jiġu rrispettati jeħtieġ metodu trasparenti u oġġettiv, li jidher ukoll li huwa ġust u mhux ibbażat fuq polemiċi partiġġjani.

“Għedtha anki qabel din li jien xettiku ħafna hux qed jiġri hekk fil-Parlament Ewropew, anki jekk ħafna membri hawnhekk jiddikjaraw devozzjoni sħiħa lejn id-demokrazija. Mingħajr ma nirreferi għall-Ungerija, niddeplora l-metodi kif il-membri tal-Parlament Ewropew qed jimmanuvraw biex jagħmlu lil Malta suġġetta għal restrizzjonijiet tal-istat tad-dritt. Dawn qed juru li qed jinjoraw il-fatti sfaċċatament u qed jaċċettaw kummenti u analiżi li huma politikament distorti. Qed jikkollaboraw fil-miftuħ ma’ forzi anti-governattivi f’Malta, filwaqt li jaqsmu l-aġendi moħbija tagħhom.”

L-MEP qal li huwa leġittimu għall-UE li tiżgura li l-liġi tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jkunu osservati b’mod strett.

“Imma jekk tfittex li ġġib din iċ-ċertezza b’xi “metodu” jew “mudell” simili għal dak li membri ta’ dan il-Parlament qed jagħmlu dwar Malta, allura huwa proċess tal-mistħija u jtebba’ r-rabta li l-UE għandha favur id-demokrazija u fir-rigward tal-istat tad-dritt.” temm jgħid Alfred Sant.

Fl-aħħar snin, il-Parlament Ewropew wettaq numru ta’ inkjesti dwar nuqqasijiet potenzjali fi stati membri tal-UE, partikolarment fl-Ungerija u l-Polonja. Bħalissa, fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew inħoloq Grupp għall-Monitoraġġ tal-istat tad-dritt biex jinvestiga n-nuqqasijiet potenzjali tal-istat tad-dritt fis-Slovakkja u f’Malta, wara l-imwiet tal-ġurnalisti. Diġa` tħejja Rapport tal-Missjoni u se tiġi ppreżentata riżoluzzjoni fil-plenarja fl-aħħar ta’ Marzu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend