Il-Pulizija qed tinvestiga argument bejn żewġ studenti fl-iskola ta’ Pembroke li wassal għal ġlieda bejn numru ta’ persuni fil-bini tal-iskola sekondarja ta’ Santa Klara f’Pembroke. F’dan l-inċident spiċċaw indarbu wkoll xi edukaturi.
one.com.mt hu infurmat li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:00 meta żewġt itfal subien fil-ħames sena sekondarja allegatament ġew fl-idejn waqt il-ħin tal-brejk minħabba flixkun ice tea.
Sorsi qrib l-invesitazzjonijiet tal-Pulizija qalu li l-argument kompla jeskala bl-involviment ta’ tliet irġiel wara li uffiċjal li dewwiet lit-tifel ta’ 15-il sena ċemplet lill-ġenituri tiegħu biex imorru għalih għax ħassu stordut.
Qalu li waqt li t-tifel l-ieħor li għandu erbatax-il sena kien fl-uffiċċju tal-assistent kap, it-tliet irġiel allegatament ħebbu għalih. Kien hawn li żewġ edukaturi ndarbu waqt li kienu qed jipprovaw iferrquhom.
L-istess sorsi qalu li għalliem dabbar daqqa ta’ puncher waqt li edukatur ieħor tgerbeb mal-art.
One.com.mt hu nfurmat li kienet l-Assistent Kap tal-iskola li ċemplet lill-Pulizija u għarrfithom li kienet għadejja ġlieda fl-uffiċċju tagħha.
Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit flimkien ma’ dawk mill-Għassa ta’ San Ġiljan waslu fuq il-post fi ftit minuti iżda mal=-wasla tal-Pulizija l-irġiel laħqu ħarbu minn fuq il-post. Minn hawn bdiet tfittxija mil-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fl-inħawi ta’ Pembroke u Triq il-Kosta għall-vettura bl-irġiel.
Minkejja li ħadd ma ndarab gravi, sorsi qrib il-Pulizija qalulna wkoll li mhux qed jeskludu li jressqu xi persuni l-qorti.
Intant, fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li qiegħed isegwi mill-qrib dan il-każ waqt li offra l-appoġġ kollu meħtieġ lill-edukaturi involuti fl-inċident. Il-Ministru Evarist Bartolo qal li f’dan il-każ spiċċa involut ‘Learning Support Assitant’ flimkien ma’ żewġ assistenti kapijiet. Qal ukoll li dan l-aġir mhux aċċettabbli u li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni jrid jieħu azzjoni kontra l-vjolenza fl-iskejjel.
Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jipprijoritizza d-dħul ta’ liġijiet aktar ħorox għal kull tip ta’ vjolenza fuq l-edukaturi. Fi stqarrija separata l-Unjin tal-Għalliema l-MUT ikkundannat dan l-inċident vjolenti u appellat għall-iżjed sigurtà fl-iskejjel.