Ġew stabbiliti standards soċjali li jirregolaw is-servizzi offruti fid-djar residenzjali għal persuni b’diżabilità.L-istandards iħarsu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; jgħollu l-iStandards fir-residenzi u jagħtu l-bażi sabiex isir il-monitoraġġ tagħhom.
Fl-istess waqt se jkunu ta’ gwida għal għaqdiet, entitajiet jew kumpaniji li jkunu bi ħsieb li joperaw f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis stqarr illi wieħed mill-akbar tħassib tal-ġenituri tal-persuni b’diżabilità huwa l-ħajja indipendenti ta’ wliedhom meta jiġu nieqsin.
Qal li wara l-Gvern beda jindirizza din l-isfida bil-Proġett Soċjetà Ġusta, issa qed jassigura li s-servizzi jingħataw b’dinjità.
“Dawn l-istandards ħa jkunu qedgħin hemmhekk biex kull dar, kull residenza trid issegwi għaliex inkella tkun tista’ titlef anke il-liċenzja tagħha”, huwa stqarr.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella spjega kif il-mudell tal-Istandards jassigura li jkun hemm djalogu bejn l-Awtorità, dawk li jagħtu s-servizzi u dawk li jirċevuhom.
Huwa żied jgħid li dan huwa biss l-ewwel pass, hekk kif fil-gimgħat u xhur li ġejjin ser jitniedew Standards oħra li huma relatati mal-ħarsien soċjali.