Malta b'rating A+ stabbli – il-qagħda fiskali ta' Malta aħjar minn ta' pajjiżi oħra bl-istess rating | One News

Notifiki

Malta b’rating A+ stabbli – il-qagħda fiskali ta’ Malta aħjar minn ta’ pajjiżi oħra bl-istess rating

L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta bhala A+ ‘stable’. Firrapport tagħhom, l-esperti ta’ Fitch Ratings jgħidu li l-andament tal-finanzi ta’ pajjiżna kien aħjar minn dak f’pajjiżi bl-istess rating.

Dawn l-esperti internazzjonali qed ibassru li, fis-sentejn li ġejjin, il-Gvern Malti ser jibqa’ jirreġistra surplus ta’ qrib il-1% tal-ġid nazzjonali. Dan ser jinkiseb mingħajr dipendenza fuq id-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Il-fondi minn dan il-programm fil-fatt mistennija jintużaw biex jiffinanzjaw spiża kapitali akbar.

Minkejja ż-żieda antiċipata fuq proġetti kapitali, Fitch Ratings tgħid li sa għaxar snin oħra, il-piż taddejn nazzjonali ser ikun naqas għal inqas minn 27%, iġifieri ferm aktar minn nofs il-piż li kien hemm fl-2012.

Dwar l-andament ekonomiku, ir-rapport ta’ Fitch Ratings jirrimarka li “GDP per capita is significantly higher than the ‘A’ median”. Fitch Ratings innutat li dan ir-riżultat huwa xprunat minn
“strong employment and wages”.

Minkejja l-prospetti xejn sbieħ fl-ekonomiji ta’ madwarna, l-ekonomisti ta’ Fitch Ratings qed ibassru tkabbir ekonomiku f’Malta ta’ aktar minn 5% għal din is-sena. Huma jirrimarkaw li “strong growth has not led to overheating as reflected in prices or macro imbalances”.

B’kuntrast għal diversi allegazzjonijiet mill-Oppożizzjoni, l-esperti tal-Fitch Ratings jgħidu li “Malta outperforms the ‘A’ median on the World Bank human development and governance indicators”. Filfatt, wieħed mill-fatturi li jispjega r-rating tajjeb ta’ pajjiżna huwa “strong governance and human development indicators relative to peers”. Ir-rapport jinnota kif l-awtoritajiet Maltin qed jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Awtorità Bankarja Ewropea biex ikomplu jtejbu l-qafas regolatorju, u jinnota wkoll kif is-settur bankarju għaddej minn proċess ta’ konsolidament.

Din l-analiżi pożittiva ta’ Fitch Ratings tikkonferma l-fiduċja li teżisti f’pajjiżna. Dan is-suċċess qed iwassal għal aktar interess f’Malta minn investituri barranin, u b’hekk, għal ekonomija aktar b’saħħitha għall-ġid tal-familji u n-negozji ta’ pajjiżna.

F’reazzjoni fuq Twitter, il-Prim Ministru qal li pajjiżna mistenni jkompli jiġi jirreġistra surplus fiż-żmien li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend