AĠĠORNAT: Ir-Russja tirtira wkoll minn trattat ta' kontroll fuq il-produzzjoni tal-armi wara li rtirat l-Istati Uniti | One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Ir-Russja tirtira wkoll minn trattat ta’ kontroll fuq il-produzzjoni tal-armi wara li rtirat l-Istati Uniti

Ir-Russja wkoll issospendiet l-obbligi tagħha taħt it-trattat ta’ żmien il-gwerra l-bierda li jikkontrolla l-produzzjoni tal-armi bejnha u l-Istati Uniti. Il-President Russu Vladimir Putin qal li Moska se tibda tiżviluppa missili ġodda.

Huwa sostna li peress li l-Istati Uniti rtirat mit-trattat, ma hemm xejn xi jżomm lir-Russja milli tagħmel l-istess, iżda esprima x-xewqa li ż-żewġ naħat jiltaqgħu għal taħdidiet sabiex din il-kwistjoni tissolva.

Iktar qabel, is-Segretarju għall-Istat Amerikan Mike Pompeo kien ħabbar li l-Istati Uniti se tissospendi lilha nnifisha minn dan it-trattat.

Huwa qal li mil-lum l-Istati Uniti mhix se tkun konformi iktar ma’ dan it-trattat iffirmat fl-1987 u li fi żmien sitt xhur il-pajjiż jista jirtira kompletament minnu. Skont Pompeo il-ballun qiegħed f’saqajn ir-Russja sabiex jiġi salvat il-ftehim, fejn saħaq li bħalissa ir-Russja qiegħda tikser it-trattat ta’ kuljum.

Dan l-iżvilupp imħabbar mis-Segretarju Pompeo ġie wara xahrejn ta’ appelli lill-gvern Russu sabiex jieqaf il-ksur tat-trattat.

It-trattat iffirmat mill-President Ronald Reagan u l-aħħar mexxej Sovjetiku Mikhail Gorbachev kien naqqas it-tensjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, meta kkontrolla l-produzzjoni tal-armi li kull pajjiż kien jipproduċi.

L-irtirar tal-Istati Uniti u r-Russja minn dan it-trattat qed iwassal għal biża li tibda tellieqa ġdida fis-settur tal-produzzjoni tal-armi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend