Inżamm arrestat Darren Mizzi ta’ 26 sena mill-Mtarfa – wara li fil-qorti wieġeb mhux ħati li kien fil-pussess ta’ 46 kilogramma pjanta kif ukoll raża tal-kannabis. Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni mill-pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, Mizzi ġie arrestat tard il-Ġimgħa wara nofsinhar wara li twaqqaf fi Triq Tul il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq. Sorsi qalu lil One News, li malli Mizzi nnota l-preżenza tal-pulizija huwa beda jsuq b’mod perikoluż – allegatament għaliex miegħu kellu kaxxa tal-kartun li kien fiha erbgħin kilogramma ħaxixa tal-kannabis kif ukoll basket li kellu madwar sitt kilorgrammi raża tal-kannabis.
Jidher li dawn id-drogi kienu lesti sabiex jiġu traffikati.
Konsegwentament, l-imputat li jaħdem bħala bejjiegħ bil-vann ikkawża ħsarat fuq żewġ vetturi – waħda tat-tip Mercedes u l-oħra tal-għamla Peugeot.
L-istess sorsi qalu lil One News li Darren Mizzi għall-ewwel irreżista l-arrest bi vjolenza fil-konfront ta’ ħames uffiċjali tal-pulizija.
L-avukat difensur Dr Mario Mifsud ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk inżamm arrestat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, Dr Mario Mifsud irrimarka li l-imputat għandu kundizzjoni akuta fil-kliewi u għalhekk talab lil Qorti sabiex tordna lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jittieħdu l-passi neċessarji bil-għan li tiġi salvagwardjata saħħet l-akkużat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.