B’investiment ta’ € 2,200,000, parzjalment fondi ewropej, l-Arċidjoċesi ta’ Malta bdiet b’xogħol ta’ restawr fi 15-il parroċċa.
Fosthom, se jsir studju ġeotekniku fil-Knisja ta’ Santa Marija f’Birkirkara sabiex jiġi ddeterminat l-intervent meħtieġ, minħabba ċaqliq strutturali.
L-istrutturi tal-knisja qegħdin jidditerjoraw, bis-saqaf tal-knisja qiegħed jinfetaħ.
Is-segretarju amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross qal li l-Kurja ħasbet li l-Knisja ta’ Santa Marija għandha tibbenefika minn dawn il-fondi.
Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi qal li “Se jsir studju mill-esperti biex il-knisja ma tkompliex tiddeterjora. Se jagħmlu wkoll mudell ta’ din il-knisja biex l-istudjużi jgħidulna x’jista jsir”.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Knisja ta’ Marija Bambina tan-Naxxar, waħda mill-knejjes li qiegħed isir restawr fuqha bħalissa, tħabbar ukoll li se jsir mużew fis-Santwarju tal-Mellieħa u se jiġi restawrat ukoll l-Arkivju fil-Kurja tal-Arċisoqf, li fihom hemm dokumenti li jmorru lura sa nofs is-seklu 15.
Huwa kompla billi qal li: “Se nagħmlu mużew, hemmhekk hemm lodge u hemm bżonn ta’ mużew ekleżjastiku fil-kmamar li hemm hemmhekk”.
Intant, ix-xogħol tar-restawr fuq il-Knisja ta’ Marija Bambina fin-Naxxar għaddej ġmielu.
Il-Perit tal-Proġett Amanda Degiovanni spjegat kif fl-aħħar tas-sena beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja. Bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif fuq il-faċċata tal-knisja tan-Naxxar, li għandha ħafna ħmieġ minħabba t-traffiku li jgħaddi.
Amanda Degiovanni li hija Perit qalet li: “Hemm kwantità ta’ ħmieġ kawża tal-karozzi u f’partijiet fejn ma jitnaddafx bix-xita. Dan qiegħed jitnaddaf biex nżommu l-patina oriġinali tal-knisja”.
Apparti dawn il-proġetti, fit-3 snin li ġejjin se jiġu rrestawrati faċatti ta’ knejjes u kappelli, kampnari, pitturi u opri oħra tal-arti f’Parroċċi bħal Ħ’Attard, Ħ’Dingli, Ħal Balzan, Ħal Għargħur, Ħal Tarxien, Mosta, ir-rabat, l-Imdina, l-Imġarr, Marsaxlokk u Raħal Ġdid.
Is-Segretarju parlamentari għall-fondi ewropej Aaron Farrugia qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn qed insaħħu l-wirt patrimonju Malti. Filwaqt li qal li iktar minn €80,000,000 fondi reġjonali ġew investiti fil-konservazzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjizna.
Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari qal: “Issa qegħdin imorru fi proġetti fl-irħula bħan- Naxxar biex it -turist ikollu fejn imur. U qegħdin naraw li sal-2023, 130,000 turist se jmur iżur postijiet li qatt ma jkun żar.
Filwaqt li qal li iktar minn €80,000,000 ta’ fondi reġjonali ġew investiti fil-konservazzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjizna.