Hekk kif imwiegħed fil-baġit li għadda, minn għada se jitħallsu l-pagamenti tal-għotja ta’ €300 fis-sena lill-anzjani li għalqu 75 sena u għadhom jgħixu fi djarhom.
Mad-29,000 anzjan u anzjana se jieħdu bejniethom aktar minn €8,500,000.
Matul l-istess jum se jitħallas ukoll il-bonus għal dawk il-persuni li ħallsu l-bolol, iżda m’għandhomx pensjoni.
Dan il-bonus beda għall-ewwel darba fl-2014 u din is-sena żdied b’€50 oħra.
B’dan il-pagament, dawk li kienu ħallsu aktar minn sena bolol iżda inqas minn 5 snin, se jieħdu bonus ta’ €200 filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin bolol se jiżdiedu għal €300 fis-sena.
Minn din l-għotja se jibbenefikaw 11,618 -il persuna b’nefqa totali ta’ kważi €3,000,000.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan hu xhieda tal-impenn li għandu dan il-Gvern biex ħadd ma jaqa’ lura.
Tenna li r-riżultati ekonomiċi tajbin li qed jinkisbu fl-aħħar snin, qed jagħtu l-frott fil-qasam soċjali permezz ta’ benefiċċji bħal dawn u oħrajn immirati għal persuni l-aktar fil-bżonn.