Vizzju misħut – One News

Notifiki

Vizzju misħut

Fi Pjazza ta’ Karl Stagno Navarra nkixxfet ħadma oħra tal-media tal-Partit Nazzjonalista, u ċertament ħadma tal-Partit Nazzjonalista.

Il-video ta’ dawk li suppost huma ħaddiema tal-Bank Ċentrali jkantaw ‘Viva l-Labour!’ ma kienu xejn għajr l-aġenti tal-Partit Laburista jifirħu wara t-tħabbira tar-rizultat elettorali tal-2017 u dawk li dehru jiżfnu ma kienu xejn għajr żgħażagħ jifirħu f’diskoteka fi Spanja.

Bħas-soltu wara xi ħaġa hekk kien hemm il-Psewdo-ġurnalist Joe Mikallef.

Iżda dan il-filmat m’għandux jittieħed b’mod leġġer.

L-ewwelnett, il-filmat huwa tal-Bank Ċentrali, istituzzjoni rispettata u li stejjer bla sens, u filmati mgħababsa bħal dawn jistgħu jħallu riperkussjonijiet fuq sfera Internazzjonali, m’għandiex dubbju li l-iskop ikun dak, biex tkompli l-ħsara barra.

Għall-barranin li jaraw filmat hekk, mhux se joqgħodu jgħidu li dan filmat mitiefes jew le. Dik hija l-malizzja.

Iżda mhux biss. Żgur li l-iskop aħħari huwa dak li l-Partit Nazzjonalista jipprova jiġbor il-bażi tiegħu ta’ partitarji li bħalissa huma mħawwda għax qed jaraw lill-Partit tagħhom imfarrak u maqsum, u dawk qrib Delia, riedu li b’xi mod iqqanqluhom. X’inhu l-aħjar mod li tqanqalhom jekk mhux li jaraw filmati tar-rivali politiċi?

Għalkemm li zgur qas hemm paragun, din il-ħadma fakkritni f’ħadma oħra, li wkoll kellu l-mano in pasta min illum qed imexxi l-media tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli u li allura jiġi fuq Joe Mikallef, fil-ġerarkija.

Pierre Portelli kien parti mill-ħadma Egrant, l-ikbar gidba fl-istorja politika Maltija fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu. Ejja ma ninsewx.

F’Egrant kien ħareġ ċar li kien hemm dokumenti ffabrikati, firem li ma jeżistux u Portelli kien mar jiġri jintervista lil dik li dawk li ma jistħux sejjħulha ‘whistleblower’.

Dakinhar l-iskop kien li Busuttil isir Prim Ministru.

Meta jkun dahru mal-ħajt, meta jkun irid jasal għal xi ħaġa oħra, tal-Partit Nazzjonalista, jqarrqu, jimanipulaw u jbgħabsu l-verità.

Kumbinazzjoni li wara t-tnejn hemm l-isem ta’ Portelli?

Dan huwa l-vizzju misħut tal-Partit Nazzjonalista, li ma tgħallmu xejn minnu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend