L-Air Malta b’titjira speċjali għal Jum San Valentinu – One News

Notifiki

L-Air Malta b’titjira speċjali għal Jum San Valentinu

L-Air Malta għadha kemm nediet il-‘Love Flight’ tagħha ta’ kull sena. Din it-titjira, li llum saret popolari, hija immirata għal koppji li jixtiequ jesperjenzaw avveniment memorabbli f’Jum San Valentinu.

Din is-sena l-linja tal-ajru ħejjiet programm għal lejl romantiku biex il-klijenti jiċċelebraw l-14 ta’ Frar fil-belt ta’ Catania fi Sqallija.

Il-pakkett jinkludi ikla fir-Romano Palace Luxury Hotel ta’ ħames stilel, ‘performance’ intima mill-New Victorians f’sezzjoni riżervata tal-Hard Rock Café fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u sorpriżi oħrajn. It-trasport lejn u mill-ajruport ta’ Catania huwa inkluż fil-pakkett.

Il-programm speċjali għandu prezz ta’ € 149 biss għal kull persuna. Jinkludi wkoll merħba speċjali fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, postijiet fil-Business Class abbord l-ajruplan u sorpriżi oħrajn inklużi rigali kumplimentari minn entitajiet diversi.

Paul Sies, il- Kap Kummerċjali tal-Air Malta kkummenta, “Kull edizzjoni tal-‘Love Flight’ tal-Air Malta nbiegħet kompletament. Kull sena nagħmlu ħilitna biex intejbu fuq l-edizzjoni ta’ qabel u din is-sena it-titjira tagħna lejn Catania mhux se tkun eċċezzjoni. Għal darb’oħra t-tim tagħna rnexxielu jħejji programm inkredibbli li nittamaw li se jissupera l-aspettattivi tal-klijenti tagħna. Jiena ċert li l-klijenti tagħna se jieħdu sorpriża pożittiva bil-programm li organizzajna.”

Dan l-avveniment qed jiġi organizzat bil-kollaborazzjoni ta’ OVATION Events & Logistics, Alistair Floral Design, Franks Perfumery, Baci Perugina u Hard Rock Café, Malta.

Il-koppji interessati jistgħu jiksbu aktar informazzjoni u jibbukkjaw il-biljetti tagħhom minn fuq www.airmalta.com/love-flight.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend