Tul l-elfejn u tmintax, il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ġabru mal-erbatax-il elf tunnellata ta’ skart mormi illegalment waqt li din is-sena, diġà nġabru aktar minn tmien mija u erbgħa u sittin tunnellata.
Żvela dan is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Deo Debattista, fi żjara f’Paradise Bay fejn il-ħaddiema tad-Diviżjoni kienu qed jiġbru minn kull xorta ta’ skart li ntrema illegalment.
Minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-bajja, ix-xogħol li mistennija jieħu sebat ijiem, qed isir kollu bl-idejn bi tbatija kbira għall-ħaddiema.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jagħmel użu aħjar mill-faċilitajiet li joffri l-Gvern bla ħlas sabiex jiddisponi mill-iskart.
Ħeġġeġ ukoll biex jonqos il-vandaliżmu, u spjega li t-tindif tal-atti ta’ vandaliżmu jinvolvi ħidma intensiva – ħidma li tista’ tiġi investita f’diversi oqsma oħra għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Huwa ta ħajr lill-persuna li għamel ir-rapport, biex id-Diviżjoni setgħet twettaq din il-ħidma. Kliem li ġie mtenni mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara, li appella biex kull min ikollu informazzjoni jew suġġerimenti għandu jagħmel kuntatt permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ din id-diviżjoni.