"Din hija xi ħaġa li mmarkatli ħajti u l-ħajja ta' familti"- il-PM | One News

Notifiki

“Din hija xi ħaġa li mmarkatli ħajti u l-ħajja ta’ familti”- il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ddikjara li lest iwaqqa’ l-kawża ta’ libell li fetaħ lill-blogger Daphne Caruana Galizia dwar il-gidba EGRANT. Dan kemm il-darba l-familja ta’ Caruana Galizia taċċetta l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Egrant li ċċertifikataha bħala gidba.

Il-Prim Ministru qal dan fil-Qorti meta l-Ħamis filgħodu xehed f’kawża ta’ libell li fetaħ lil Caruana Galizia l-għada li allegat li l-kumpanija EGRANT hi ta’ martu Michelle.

Fil-bidu tas-seduta, Dr Muscat sostna li x-xewqa ewlenija tiegħu mhix li jirbaħ il-libell, iżda biss li tintlaqa’ l-verità li din kienet gidba. Madankollu l-familja ta’ Caruana Galizia rrifjutaw it-talba.

Dakinhar tal-pubblikazzjoni tal-allegazzjoni, il-Prim Ministru permezz tal-avukati tiegħu talab biex il-Maġistrat tal-Għassa jagħmel inkjesta dwar dawn l-allegazzjonijiet.

Qal li waqt li kienet frustranti li l-inkjeta ħadet fit-tul, il-Maġistrat Aaron Bugeja għamel xogħol b’reqqa kbira u sostna li kull min ma jaċċettax ir-riżultati tal-inkjeta li ddetterminat b’mod ċar li EGRANT mhix ta’ xi membru mill-familja Muscat, ma jridx jaċċetta l-verità.

Waqt li għamel elenku tal-konklużjonijiet tal-inkjesta, qal li l-maġistrat inkwerenti sema’ xhieda ta’ erba mija seba u sebgħin persuna fosthom ix-xhieda ta’ Caruana Galizia li qal li kkoperat mal-Qorti.

Huwa kkwota wkoll esperti tal-qorti li analizaw is-‘software’ tal-bank Pilatus sa mill-ewwel jum tal-operat tiegħu f’Malta, fejn ma nstab xejn li jikkonferma l-allegazzjonijiet li saru.

Ikkwota b’mod dirett l-esperti barranin fl-inkjesta li analizzaw għal darba tnejn id-declaration of trust li ppubblikat Caruana Galizia fejn instab li l-firem fuqha kienu ġew iffalsifikati.

Mill-konklużjonijiet tal-inkjesta kkwota wkoll x-xhieda kontradittorja bejn Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova. Caruana Galizia kienet xehdet li Efimova kienet fil-pussess ta’ dokumenti li rriżulta li ma kinux jeżistu. Qal li din il-gidba nbniet fuq dokumenti foloz bil-partijiet involuti jwaħħlu f’xulxin u ħadd minnhom ma ried jerfa’ r-responsabbiltà ta’ din il-gidba.

Emozzjonat il-Prim Ministru qal li din il-gidba saret biex tħalli marka personali fuqu u familtu.

Qal li meta ħarġet l-allegazzjoni, il-pajjiż daħal fi kriżi kbira. Esprima d-dieqa tiegħu li tfittxija dwaru jew martu fuq l-internet twassal għal dawn l-allegazzjonijiet u għalhekk qal li fetaħ il-libell.

Il-Prim Ministru qal li fil-politika jrid ikollok ġilda xirfa, u dan jidher fih anke mill-ftit libelli li fetaħ għax qal li dejjem emmen li hu suġġett għall-kritika.  Qal li kieku kellu jiftaħ libell għal kull ħjiel ta’ libell, kien ikollu joqgħod il-Qorti. Qal li l-livell ta’ tolleranza tiegħu kien għoli ħafna iżda din il-gibda kienet inaċċettabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend