Marlene Mizzi: L-MEPs għandhom jaħdmu dejjem fl-interess taċ-ċittadini tagħhom u ta' pajjiżhom | One News

Notifiki

Marlene Mizzi: L-MEPs għandhom jaħdmu dejjem fl-interess taċ-ċittadini tagħhom u ta’ pajjiżhom

Waqt id-diskussjoni pubblika “L-Ewropa fis-Suq mal-MEPs Maltin” l-Ewroparlamentari Marlene Mizzi saħqet li l-MEPs għandhom jaħdmu dejjem fl-interess taċ-ċittadini u tal-pajjiż. L-attività, imtellgħa mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u l-MEUSAC fis-Suq tal-Belt, laqqgħet MEPs Maltin, kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew  u l-pubbliku.

Id-dibattitu ffoka fuq tliet temi ewlenin: il-ġejjieni tal-Ewropa, id-drittijiet taċ-ċittadini u ż-żgħażagħ. Dawn is-suġġetti ntagħżlu minn dak li ħareġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru kif ukoll minn rapporti ppubblikati mill-Parlament Ewropew.

Filwaqt li kkonfermat mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha li ma tikkontestax l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru f’Mejju, Mizzi qalet li l-kandidati kollha għandhom ipoġġu l-interess taċ-ċittadini fiċ-ċentru ta’ ħidmiethom.

“Aħna rappreżentanti tal-poplu u ta’ pajjiżna. Inħeġġeġ lill-kandidati kollha għall-elezzjonijiet Ewropej biex jiffokaw il-kampanja tagħhom fuq dak li jistgħu jiksbu u joffru lill-pajjiż liċ-ċittadini tagħhom fuq pjattaforma Ewropea, u mhux fuq insulti personali, battibekki u argumenti fiergħa. Dawk li se jiġu eletti fil-Parlament Ewropew se jkunu qed jirrappreżentaw liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u lil Malta, u għalhekk huma fid-dmir li jaħdmu għall-ġid tal-poplu u fl-interess tal-pajjiż, u mhux biex jagħmlulhom il-ħsara.”

Waqt id-diskussjoni l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin kellhom l-opportunità jwieġbu għal mistoqsijiet li saru mill-moderatur u anke mill-pubbliku preżenti.

Dwar il-ġejjieni tal-Ewropa tqajjem il-punt li ħafna ċittadini ma jkunux jafu dwar dak li jkun għaddej fi Brussell u Strasburgu.

“Il-futur tal-Ewropa jiddependi minn kemm l-Unjoni se jirnexxilha tilħaq liċ-ċittadini. Ħafna drabi l-informazzjoni dwar il-ħidma kbira li ssir fil-Parlament Ewropew ma tasalx għand in-nies. Dan in-nuqqas iwassal biex l-Ewropej ma japprezzawx u xi kultant ma jifhmux biżżejjed dak li jkun qed jiġi nnegozjat u deċiż f’isimhom. Madankollu, iċ-ċittadini wkoll għandhom ifittxu li jżommu ruħhom infurmati,” qalet l-MPE Mizzi.

L-MPE Marlene Mizzi qalet li l-UE trid taħdem aktar fuq kwistjonijiet li jistgħu jtejbu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Mizzi mexxiet u nnegozjat leġiżlazzjonijiet storiċi bħat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming u għal telefonati orħos fl-UE – li qed jagħmlu effett reali f’ħajjet miljuni ta’ Ewropej, kif ukoll leġiżlazzjonijiet importanti li mexxiet bħall-Portal Diġitali Uniku.

“L-Unjoni Ewropea hija taċ-ċittadini Ewropej u għalhekk trid toffilhom tama u protezzjoni, u fuq kollox, tpoġġihom fiċ-ċentru tal-proġett u d-deċiżjonijiet kollha tagħha. Jien beħsiebni nibqa’ nagħmel dan sal-aħħar jum tal-mandat tiegħi,” qalet l-MPE Mizzi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend