Gvern li tejjeb il-kwalità tal-għajxien – One News

Notifiki

Gvern li tejjeb il-kwalità tal-għajxien

Fi stqarrija għall-Istampa maħruġa mill-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew, Lorna Vassallo, hi tkellmet dwar kif il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna marret ’il quddiem grazzi għall-bosta miżuri favur il-bieżel li introduċa l-gvern.

Filwaqt li rreferiet għal referenzi żbaljati fl-istatistika mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista anke dwar il-faqar, fakkret kif kull studju jew statistika ppubblikata riċentament urew li qed jonqsu l-Maltin f’riskju ta’ faqar.

Lorna Vassallo fakkret kif meta wieħed iħares lejn il-persentaġġ tal-poplu f’deprivazzjoni serja materjali, Malta kienet il-pajjiż bit-tmien l-inqas persentaġġ fl-Unjoni Ewropea.  Fejn jirrigwarda persuni li ma kinux f’pożizzjoni li jiffaċċjaw spejjeż finanzjarji mhux mistennija Malta kienet it-tieni l-inqas mit-28 pajjiż tal-UE fl-2016.

“Però, dan mhux kollox. L-istatistika proviżorja tal-Eurostat għall-perjodu bejn l-2014 u l-2017 tindika li Malta, b’16.3%, se tkun l-inqas pajjiż li kellu nies li mhumiex kapaċi jiffaċċjaw spejjeż mhux mistennija,” qalet Vassallo.

Lorna Vassallo ħeġġet sabiex meta l-politiċi jitkellmu, ma jaqtgħux qalb il-poplu. Il-faqar fil-maġġoranza ta’ każijiet bħal dawn ikun sintomu ta’ problemi oħra soċjali anke interġenerazzjonali.  Fuq kollox il-faqar ikun miġġieled bil-ħolqien tax-xogħol u titjib fil-kundizzjonijiet kif fil-fatt qed jagħmel b’mod effettiv il-gvern preżenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend