Il-Ftuħ ta' Valletta 2018 u proġetti oħra nnominati għall-Premju Għall-Arti 2019 | One News

Notifiki

Il-Ftuħ ta’ Valletta 2018 u proġetti oħra nnominati għall-Premju Għall-Arti 2019

Il-Ftuħ ta’ Valletta 2018 ġie nnominat għall-Premju għall-Arti 2019 taħt il-patroċinju tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-premju jingħata għal xogħol artistiku eċċellenti li ntwera għall-ewwel darba fl-2018.

L-avveniment, li rreġistra attendenza kbira ta’ ’l fuq minn 110,000 ruħ ġewwa l-Belt Valletta f’Jannar tal-2018, ġie nnominat taħt żewġ kategoriji: L-Għażla tal-Pubbliku u l-Produzzjoni tas-Sena.

Il-Festa l-Kbira, avveniment ieħor ta’ Valletta 2018 li rnexxielu jgħaqqad l-erba’ festi u komunitajiet ewlenin tal-Belt Valletta flimkien f’April tas-sena li għaddiet, ukoll ġie nnominat taħt il-kategorija l-Għażla tal-Pubbliku.

Ir-rebbieħ tal-premju L-Għażla tal-Pubbliku se jintagħżel proprju mill-pubbliku. Tista’ tivvota għall-Ftuħ ta’ Valletta 2018 jew għall-Festa l-Kbira billi żżur is-sit pca.artscouncilmalta.org/ jew billi ċċempel fuq +356 27790740 u ssegwi l-istruzzjonijiet mogħtija.

Numru ta’ proġetti oħrajn li kienu parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 ukoll ġew innominati għall-Premju għall-Arti 2019 taħt diversi kategoriji oħrajn. Dawn jinkludu l-proġett Magna Żmien(innominat għall-Premju għall-Innovazzjoni u l-Aqwa Proġett fil-Komunità), A Tale of Two Cities (innominat għall-Aqwa Kisba Internazzjonali),  Kantakantun (innominat għall-Aqwa Xogħol għal Udjenzi Żgħażagħ), Hush (innominat għall-Aqwa Xogħol għal Udjenzi Żgħażagħ u għall-Produzzjoni tas-Sena), Ġewwa Barra: Il-Ħasla, Deep Shelter u r-Rappreżentazzjoni Annwali ta’ Opening Doors 2018(innominati għall-Aqwa Proġett fil-Komunità).

Il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, jinsab ukoll innominat għall-Aqwa Programm Artistiku jew Staġun.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Premju Għall-Arti 2019 żur is-sit elettroniku tal-Kunsill Malti Għall-Arti.

Il-Premju Għall-Arti huwa inizjattiva tal-Kunsill Malti Għall-Arti permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Eċċellenza Artistika fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend