ARA: L-operazzjoni tal-katarretti mill-qrib – One News

Notifiki

ARA: L-operazzjoni tal-katarretti mill-qrib

Mal-mgħoddija taż-żmien bosta jibdew jindunaw li għajnejhom ma jibqgħux ta’ seqer u jibdew jiċċajpru, tant li tintilef il-viżta.

Dan hekk kif il-lenti naturali tal-għajn tibda tiċċajpar. Din il-kundizzjoni li tolqot lil bosta hija magħrufa bħala l-katarretti.

L-operazzjoni, li terġa tgħati l-viżta lil pazjenti li jagħmluha, hija waħda li tieħu biss ftit ħin u llum l-pazjent jerġa’ jintbgħat lura d-dar dakinhar stess.  Dan filwaqt li r-rata ta’ suċċess illum hija għolja ħafna.

It-tim ta’ One News assista għal operazzjoni tal-kataretti fl-isptar Mater Dei.  Il-kirurgu tal-għajnejn Mr Franco Mercieca, spjega kif fl-operazzjoni tinbidel il-lenti oriġinali tal-għajn li tkun ittapnet.

“Il-kataretti  hija l-lenti tal-għajn u għalhekk ikollna nkabbru l-ħabba għaliex għax qiegħda wara l-ħabba, u aħna nagħmlu inċiżjoni fuq l-għajn biex nidħlu ġol-għajn u nneħħu l-kontenut tal-lenti, noħolqu qoxra tal-lenti naturali li fiha nagħmlu l-lenti artifiċjali”, qal Mr Mercieca.

Huwa saħaq li l-operazzjoni llum ġiet iktar sempliċi filwaqt li kważi l-operazzjonijiet kollha ikunu ta’ suċċess.  Dan iwassal sabiex iktar pazjenti jagħżlu li jagħmlu l-operazzjoni iżjed kmieni kif taqbad tifforma l-katarretta.

“Kienet battikata għall-pazjent, u għalhekk dak iż-żmien kienu jgħidulhom ħallieha ħa ssir il-katarretta qabel ma tagħmel l-operazzjoni u għalhekk kienu ftit li jagħmlu l-operazzjoni.  Illum il-ġurnata billi r-riżultati huma ħafna aħjar, is-suċċess tal-operazzjoni hija ħafna ikbar, noffruha lill-pazjent iktar kmieni.  Għalhekk illum il-ġurnata la tieħu loppju, la torqod l-isptar”, kompla jgħid Mr Mercieca.

Mr Mercieca stqarr li llum il-ġurnata pazjent jista’ jkompli bil-ħajja tiegħu normali mill-għada tal-operazzjoni, hekk kif antibijotiku li jiġi injettat fl-għajn fl-aħħar tal-operazzjoni wkoll inaqqas il-periklu ta’ infezzjoni.

Madankollu pazjent għandu joqgħod attent li għall-ewwel ġimgħa jevita li jħalli trab jew ilma maħmuġ jidħol f’għajnejh.

Illum din l-operazzjoni qed issir iżjed ta’ spiss mhux biss għaliex wara l-pazjent ikollu vista’ iżjed ċara imma minħabba l-lenti apposta li tintuża ġieli wieħed ineħħi l-bżonn li juża nuċċali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend