Proġett ta’ tisbieħ f’30 Housing Estate b’investiment ta’ €150,000 – One News

Notifiki

Proġett ta’ tisbieħ f’30 Housing Estate b’investiment ta’ €150,000

Il-Gvern nieda proġett ta’ tisbieħ fi 30 qasam tad-djar tal-gvern fosthom fil-Ħamrun, il-Floriana, is-Siġġiewi u ta’ Xbiex.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju parlamentari għall-akkomodazzjoni soċjali Roderick Galdes qal li x-xogħol ta’ manutenzjoni se jsir b’investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro. Qal li dan l-investiment li se jibbenefikaw minnu 220 familja li jgħixu f’dawn l-oqsma tad-djar.   

Is-Segretarju Parlamentari qal li x-xogħol li se jsir għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti:

“Il-manutenzjoni hija neċessarja, dawn fuq kollox huma l-assi tal-istat, ilhom iservu għal aktar minn 40 sena u allura irridu nindukrawhom biex inżommuhom fi stat tajjeb.”

Dan l-investiment mhux l-ewwel tax-xorta tiegħu. Fl-aħħar sentejn sar xogħol ta’ manutenzjoni fi 63 binja oħra bi €320 miljun. Fondi li r-residenti kienu għażlu li jintefqu f’manutenzjoni ta’ ħitan u soqfa, installazzjoni ta’ bibien u twieqi ġodda, bdil ta’ madum imkisser u l-installazzjoni ta’ light fittings u intercoms fost l-oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li permezz ta’ ħidma mal-Kunsilli Lokali, l-Awtorità qed eqreb tan-nies. Qal li dan ix-xogħol mhux biss ittejjeb l-istat tal-post iżda wkoll l-istil ta’ ħajja tar-residenti li jgħixu fih:

“Żort uħud mix-xogħlijiet li qed isiru minn Kunsilli Lokali oħrajn u hi stess kienet xhieda ta’ esperjenza li qalet isma ma tafux x’differenza għamlet bejnietna, anke bħala komunitá illi tajtu attenzjoni x-xogħlijiet li jsiru mhux biss fuq il-faċċata imma wkoll fuq il-komun u anke fil-bjut. U naħseb l-aqwa xhieda huma l-persuni stess li jgħixu f’dawn il-komunitajiet.”

Is-Sindku ta’ Ta’ Xbiex Max Zammit qal li x-xogħol li se jsir se jtejjeb l-għajxien tar-residenti.

“Huwa sabiħ ħafna li jkun hemm kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali, il-Ministeru u kif ukoll l-awtoritá tad-djar li fl-aħjar interess tad-dritt ta’ għixien aħjar għar-residenti tal-lokalitá ta’  Ta’ Xbiex, f’dan il-każ kollaborazzjoni interna bejnietna, jista’ jkollna faċilitajiet aħjar li jistgħu igawdu minnhom ir-residenti.”

Il-Ministru Michael Falzon qal li x-xogħol li qed isir mill-gvern f’dan il-qasam qed iħalli differenza pożittiva fost il-familji Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend