Il-Gvern jiċħad allegazzjonijiet tat-Times dwar il-proġett tal-Corinthia – One News

Notifiki

Il-Gvern jiċħad allegazzjonijiet tat-Times dwar il-proġett tal-Corinthia

Il-Gvern ċaħad allegazzjoni li għamlet The Times li d-diskussjonijiet mal-Corinthia se jerġgħu jinfetħu wara li nħarġet twissija. Il-gazzetta qalet li l-Gvern reġa’ beda diskussjoni mal-Grupp Corinthia biex jinbidlu xi termini u negozjati dwar il-proġett tal-peniżula tal-bajja ta’ San Ġorġ, wara li allegatament inħarġet twissija li l-proġett jikser regoli Ewropej.

Fi stqarrija l-Gvern xejjen għal kollox din l-allegazzjoni u saħaq li din hija fabbrikazzjoni.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li l-Prim Ministru indirizza dwar Brexit, b’ton umli saħaq li l-Gvern se jikkunsidra xi sottomissionijiet li saru minn diversi partijiet b’rabta mal-proġett.

“Hemm kritika li hija kostruttiva u ġenwina u aħna we took it on board u m’hemmx dubju illi l-kuntratt, l-abbozz ta’ kuntratt li ħa nippreżentaw fid-deal tal-Corinthia ħa jkun kuntratt illi jindirizza numru sostanzjali mill-concerns ġenwini illi tqajmu.”

Il-Prim Ministru spjega li l-investitur privat Malti għandu jkollu l-istess drittijiet bħal kull investitur ieħor dan għax fil-passat meta saru konċessjonijiet t’artijiet governattivi ngħata ċens perpetwu.

Hawnhekk il-Prim Ministru ġab l-eżempju ta’ Smart City u l-MIDI.

Saħaq li bil-ftehim li se jkun qed jiġi finalizzat u preżentat fil-Parlament, il-pajjiż se jirbaħ investiment b’saħħtu.

“Għandhom titlu ta’ art mogħtija għal mitejn elf ewro, għal mitejn elf lira mingħalija jew mitejn elf ewro fis-sena mill-Gvern preċedenti biex għandhom lukanda hemm hekk, jiġifieri allura dik l-art kollha mitejn elf kien kull sena ċ-ċens li jitħallas u jekk iridu jistgħu jaqbdu għal ħamsa u sebgħin sena li ġejjin ma jagħmlu xejn u l-art tibqa’ tagħhom għal ħamsa u sebgħin li ġejjin. B’li qegħdin jipproponu ħa jkun hemm investiment b’saħħtu ħafna għal pajjiżna.”

Il-Prim Ministru temm jisħaq li bħala pajjiż irridu nieħdu direzzjoni fi żmien li qed inħejju għal qasam ta’ turiżmu tal-ogħla livell u għalhekk jeħtieġ li noħolqu l-infrastruttura idonja għall-investituri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend