Ftehim ta’ €2.4 miljun għal tfal li spiċċaw vittmi mingħajr ebda ħtija – One News

Notifiki

Ftehim ta’ €2.4 miljun għal tfal li spiċċaw vittmi mingħajr ebda ħtija

Il-Gvern iffirma ftehim mal-Fondazzjoni Sebħ li kienet magħrufa bħala l-Fondazzjoni Ejjew Għandi li permezz tiegħu se jagħti għajnuna ta’ kważi żewġ miljun u nofs ewro għal tliet snin. Il-Public Social Parternship ġie ffirmat dalgħodu f’Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar, waħda mill-erbat idjar li se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-ftehim.

Din id-dar tilqa’ fi ħdanha tfal li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet negattivi fl-ambjent naturali tagħhom. Hawn jingħata servizz u appoġġ kbir lil tfal u adoloxxenti li sfortunatament jispiċċaw vittmi mingħajr ebda ħtija, bil-konsegwenza li jkollhom joħorġu minn dak l-ambjent.

Is-Superjura ta’ Dar Sagra Familja, Sr Bernardette Galea qalet li d-dar tilqa’ fiha aħwa ta’ koppji li jkunu għaddejjin minn diversi problemi soċjali. Dan flimkien ma’ użanzi oħra sabiex l-ambjent li jsibu ruħhom fih it-tfal ikun mill-isbaħ u denju ta’ familja.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jgħin b’mod b’saħħtu ħafna biex il-Fondazzjoni jkollha r-riżorsi biżżejjed biex tieħu ħsieb il-kura ta’ 41 tifel u tifla.

“Huwa ftehim li ħa jkopri 41 post għal tfal li ma jkunux baqgħu fil-familja naturali tagħhom. Nista ngħid li huwa wieħed mill-ikbar public social partnerships li għandna”.

Dr Falzon qal li ftehimiet bħal dawn ikomplu jassiguraw li l-ebda tifel u tifla ma taqa’ lura, u tikber f’ambjent li kemm jista’ jkun huwa simili għal dak fejn ikun hemm trobbija ta’ familja normali.

Il-Ministru qal ukoll din is-sena hemm żieda ta’ madwar ħamsa u għoxrin fil-mija fl-allokazzjoni għal dan il-qasam.

“L-impenn tal-gvern huwa ċar fejn jidħol dal-qasam. Jekk wieħed iħares biss biss lejn l-allokazzjoni tal-baġit wieħed isib żieda ta’ 25% in one go, jiġifieri f’daqqa. Kien baġit ta’ għaxar miljun ewro fis-sena u tela’ għal 12.5 miljun fis-sena”.

Dr Falzon ħabbar ukoll li fi tmiem din il-ġimgħa se jidħol tibdil konsiderevoli fejn jidħlu drittijiet tat-tfal, permezz tal-pubblikazzjoni tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal.  Qal li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex it-tfal jgħixu ħajja ’l bogħod minn abbuż fiżiku u psikoloġiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend